Coronavirus Edukazzjoni Lokali

Ngħinu lil uliedna li għadhom fl-edukazzjoni obbligatorja jirkupraw mill-ħin mitluf

Is-settur edukattiv jeħtieġ aktar għajnuna tat-teknoloġija fiż-żmien li qed ngħixu fih

L-Oppożizzjoni tilqa’ l-miżuri mħabbra lbieraħ biex tkun mitigata s-sitwazzjoni li l-pandemija qed toħloq fis-settur edukattiv u fl-edukazzjoni ta’ wliedna filwaqt li tappella biex ikunu kjarifikati l-kriterji li bihom l-Matsec se tkun qed tikkalibra u timmodera l-karti tal-MOCK Examinations biex isir standardizzazzjoni rett u ġust. 

Clyde Pulì, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Edukazzjoni, qal li l-miżuri jindirizzaw uħud mit-tħassib li esprimiet l-Oppożizzjoni fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, ibbażat fuq diskussjonijiet mal-istudenti, il-ġenituri, l-għalliema u l-esperti b’mod partikolari.

L-istudenti li kienu qed jippjanaw li jersqu għas-SEC u l-MATSEC fil-ġimgħat li ġejjin, issa jafu, tal-anqas b’mod ġenerali, x’inhi s-sitwazzjoni tagħhom u dan se jnaqqsilhom ħafna stress.

Dawk tal-MATSEC jafu li jridu jippreparaw biex jagħmlu l-eżami f’Settembru li ġej bil-possibbiltà li jersqu għal resit f’Diċembru u dawk tas-SEC jafu li se  tinħareġ marka bbażata fuq il-MOCKS fuq żewġ livelli: Livell 3, li hu l-ekwivalenti tal-marki minn 1 sa 5 u  Livell 2 li hu l-ekwivalenti tal-marki minn 6-7 (fis-SEC). 

Dan ma jfissirx li ċerti pożizzjonijiet ma jeħtiġx li jkunu kjarifikati aħjar ħalli kulħadd ikollu direzzjoni ċara fosthom dawk li se jersqu lejn l-eżamijiet bħala kandidati privati u dawk li kienu se jersqu għall-eżamijiet tal-A levels wara l-ewwel sena skolastika fis-6th form.

Għad trid tittieħed ukoll pożizzjoni dwar kif u jekk hux se jitkomplew is-sillabi tal-10 sena tas-Sekondarja li jwasslu għas-SEC tal-2021.

L-Oppożizzjoni tinnota wkoll li d-domandi li qajmet dwar l-istrateġija u l-implimentazzjoni tal-E Learning jibqgħu mhux imwieġba, la dawk short term u l-anqas dawk long term. Dan meta s-settur edukattiv jeħtieġ aktar u mhux anqas l-għajnuna tat-teknoloġija fiż-żmien li qed ngħixu fih.

L-Oppożizzjoni terġa’ tappella għall-monitoraġġ u l-ħarsien tat-tfal vulnerabbli li għalihom l-iskola kienet l-uniku post ta’ wens u mħabba.

Il-pandemija Covid-19 qed toħloq sfidi politiċi, ekonomici u soċjali madwar id-dinja, u mhux l-anqas f’pajjiżna. Nirringrazzja lill-professjonisti u lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa li qegħdin fuq quddiem f’din il-kriżi jirriskjaw saħħithom għalina.

Nirringrazzja lill-għalliema u l-ħaddiema kollha fis-settur edukattiv u lill-unions tagħhom li f’dawn il-ġranet urew is-sens ta’ vokazzjoni, professjoni u missjoni tagħhom meta minn jeddhom bdew ifittxu sistemi kif se jservu, anke jekk minn distanza, lill-istudent fi żmien ta’ kriżi.

F’dan il-mument nuri wkoll solidarjetà maċ-Child Support Workers, mal-Play Workers u mal-ħaddiema l-oħra li jaħdmu fiċ-Child Care Centers u l-Klabb 3-16, fosthom mal-Fondazzjoni   għas-Servizzi Edukattivi ….li kienu informati li kif jispiċċalhom l-leave tagħhom mhux se jieħdu paga. Nuri solidarjetà wkoll mall-għalliema fl-iskejjel tal-Ingliż.

Grazzi wkoll lill-ġenituri li f’din is-siegħa qegħdin jintalbu jġorru piżijiet oħra ma’ dak li diġà kellhom fil-ħajja ta’ kuljum.

Fuq kollox nirringrazzja lit-tfal u liż-żgħażagħ tagħna li ħafna minnhom wara l-ewwel ftit ġranet li ħadu ‘break ieħor’ jibdew  jimmisjaw ir-rutina tal-ħajja tagħhom.

Fl-istess waqt l-Oppożizzjoni tixtieq tagħmel kuraġġ lill-istudenti kollha f’dawn iż-żminijiet diffiċli.