Futbol Sport

Replay fuq Net Television | Illum fis-6:40pm b’aktar rakkonti ta’ partiti storiċi Maltin

Għat-tieni Ħadd konsekuttiv, Replay u Net Television se jkunu qed ixandru edizzjoni speċjali u tassew interessanti b’serje ta’ dokumentarji dwar rakkonti ta’ partiti storiċi u li huma marbuta mat-tim nazzjonali Malti matul iż-żmien. Aktar tard illum, fis-6:40pm tibda edizzjoni speċjali ta’ Replay li l-ewwel parti tagħha tibqa’ għaddejja sa qabel Net News tas-7:30pm. It-tieni parti ta’ Replay titkompla fit-8:30pm, sintendi fuq Net Television. Ir-rakkonti li tistgħu ssegwu llum f’Replay huma dawn li ġejjin:

Il-konfronti bejn Malta u l-Greċja bejn l-1970 u l-2007

Nhar it-23 ta’ Frar tal-1975 Malta kienet għelbet lil Greċja 2-0 fl-iStadium tal-Gżira. Dan kien riżultat storiku u wieħed mill-kbar tal-futbol Malti. Il-gowls tal-Maltin kienu skorjati mill-mibki Ritchie Aquilina u Vince Magro. Din kienet l-unika rebħa ta’ Malta f’għaxar partiti li ntlagħbu bejn iż-żewġ pajjiżi sal-lum. Id-dokumentarju li se tkunu tistħgħu ssegwu llejla f’Replay inkiteb minn Ġorġ Micallef, meta dak kien co-producer tal-programm, disa’ snin ilu. Għaldaqstant f’dan is-servizz se tkunu tistħgu ssegwu dak li ġara fl-ewwel tmien konfronti bejn Malta u l-Greċja matul iż-żmien, inkluż id-dros prestiġjużi li Malta kellna kontra dan il-pajjiż, kemm fl-1970 kif ukoll fl-1991. 

Il-konfront Malta kontra Spanja 2-3 (15 ta’ Mejju 1983)

L-istorja tal-partiti diretti bejn Malta u Spanja mhumiex kollha koroh u negattivi għat-tim nazzjonali tagħna. Għalkemm fid-disa’ partiti li ntlagħbu sal-lum bejn dawn iż-żewġ pajjiżi, Spanja dejjem rebħu u kien hemm saħansitra rebħiet bi skor kbir, f’Mejju tal-1983, Malta kellha riżultat u prestazzjoni tajba ħafna kontra dawn l-avversarji. Dakinhar, f’partita li kienet valida mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej, fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, Malta kienet tilfet 3-2 u f’mumenti minnhom konna qed ingawdu vantaġġ ta’ 2-1 kontra l-Ispanjoli. Wieħed mill-plejers Maltin ta’ dak in-nhar, Leli Fabri jagħti t-testimonjanza tiegħu ta’ x’ġara dak in-nhar, f’partita li kienet ntlagħbet fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’Qali, quddiem attendenza ta’ madwar 10,000 ruħ.

Il-konfront Portugal kontra Malta 2-2 (29 ta’ Marzu 1987)

L-istorja tal-partita bejn Portugal u Malta li ntlagħbet f’Marzu tal-1987. Dakinhar Malta kienet ħasdet lill-avversarji tagħha meta temmet draw ta’ 2-2, f’partita li fiha l-Maltin konna qed nilagħbu barra minn dahrna. Ir-rakkont ta’ dak li ġara f’din il-partita, kif ukoll il-kummenti dwar l-episodji li kkaraterizzaw il-partita dakinhar, se jkun ta’ wieħed mill-plejers tat-tim Malti f’dik il-logħba, Michael Degiorgio.

Il-konfront Moldova kontra Malta 1-1 (24 ta’ Marzu 2007)

Nhar is-Sibt, 24 ta’ Marzu 2007, Malta kienet kisbet draw prestiġjuż barra minn xtutna kontra l-Moldova bl-iskor ta’ 1-1. Dakinhar, taħt it-tmexxija tal-kowċ Dušan Fitzel, Malta kienet fetħet l-iskor kważi kwarta mit-tmiem tal-partita, b’gowl ta’ George Mallia. Madankollu, sitt minuti mit-tmiem tal-konfront, l-avversarji skorjaw id-dro permezz ta’ Alexandru Epureanu. Din il-partita kienet valida mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonati Ewropej. Matul dan id-dokumentarju speċjali marbut ma’ din il-partita li kienet intlagħbet f’Chișinău se tkunu tistgħu ssegwuħ rakkonti minn fomm wieħed mill-plejers tat-tim Malti f’dak iż-żmien, Ivan Woods u l-assistant kowċ tal-iskwadra dakinhar, Oliver Spiteri.

Il-konfronti bejn Malta u l-Ingilterra tal-1971

Fl-1971, Malta lagħbet darbtejn kontra l-Ingilterra. Iż-żewġ partiti kellhom riżultati differenti minn xulxin u l-prestazzjonijiet tal-Maltin kienu ukoll kuntrastanti, bil-partita li ntlagħbet fl-Empire Stadium tal-Gżira, kienet l-aqwa waħda għat-tim nazzjonali tagħna. Ilejla f’Replay se tkunu tistgħu ssegwu r-rakkont ta’ dak li ġara f’dawn iż-żewġ partiti storiċi ta’ madwar 40 sena ilu. Matul id-dokumentarju tistgħu ssegwu r-rakkont tal-esperjenza kif għexu dawk iż-żewġ partiti partikolari, tnejn mill-eks plejers tat-tim nazzjonali Malti u li kienu parti mit-tim nazzjonali f’dan il-perjodu, Anton Camilleri u Joe Cini rispettivament.Replay tal-lejla jibda fis-6:40pm. L-ewwel parti tibqa’ għaddejja sa qabel Net News tas-7:30pm. It-tieni parti ta’ Replay titkompla fit-8:30pm, sintendi fuq Net Television.