Tibki tħares lejn l-istat li tinsab fih l-industrija tat-turiżmu llum… lukandi magħluqa, ristoranti magħluqa… binjiet oħra magħluqa u bla ħajja. Nemmen li l-effetti ta’ dan kollu se nibqgħu nħossuhom fit-tul.
Iva, illum għandha industrija tat-turiżmu li hi mejta. Min jikkanċella l-bookings. Ħadd mhu interessat li jibbukkja. Min jitolbok il-kapparra lura. Sitwazzjoni diffiċli ħafna fil-cash-flow. Ħadd ma jaf x’se jaqbad jagħmel. Ħadd ma jista’ jippjana għall-quddiem. Tara kollox idur quddiem għajnejk.
Robert Arrigo, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem dwar it-Turiżmu, qal li din hi sitwazzjoni li se tieħu numru ta’ xhur. Jekk xi ħadd irid jippjana fit-tul, allura jrid jippjana sa Ottubru… mill-inqas.
U hawn fejn nikkritika lill-Gvern li qiegħed jgħid li l-preparamenti u l-pjani għandhom isiru xahar b’xahar. Ma tistax tagħmel hekk. Min hu fl-industrija jrid jippjana bil-quddiem aktar. Għalhekk l-implimentazzjoni tal-miżuri għandhom ikunu maħsuba biex jieħdu aktar fit-tul… ngħidu aħna sitt xhur f’daqqa. Għalkemm dan il-perjdou għall-industrija tat-turiżmu xorta hu meqjus bħala wieħed qasir.
Kull min jopera fit-turiżmu jaf tajjeb li l-pjani fit-turiżmu jsiru tnax jew tlettax-il xahar qabel.
Bla dubju ta’ xejn li għandna minn issa sa Ottubru li ġej fejn se nkunu mejtin. Minn Ottubru sa April forsi tfeġġ l-ewwel fjura
u minn April lil hemm forsi jkollna bżonn ftit ħaddiema biex jikkuraw il-fjuri.
Imma r-riperkussjonijiet huma fit-tul u fin-nuqqas ta’ pjan fit-tul mill-Gvern, l-elementi tal-biża’ u l-inċertezza jkomplu jħeġġuk biex tieqaf mill-ħidma tiegħek.
Hi xi ħaġa tajba li l-Gvern se jħallas €800 lill-ħaddiema li se jispiċċaw bla impjieg. Din hi inizjattiva sabiħa iżda li seħħet wara ħafna pressjoni kemm fir-rigward ta’ din l-industrija u anki fir-rigward tal-industrija tal-manifattura wkoll.
Irridu naraw x’se jkun qed jiġri bejn 12 u 16-il xahar ieħor. Tajjeb li wieħed jifhem li l-paga medja għal dawk li jaħdmu fit-turiżmu hi ta’ €1,300. Il-kwistjoni issa hi jekk min iħaddem hux se jaffordja li joħroġ minn butu mal-€500 għal kull ħaddiem bla ma jkollu l-ebda dħul.
Dan filwaqt li niddikjara li m’hawn ħadd f’Malta – kbir jew żgħir – li se jkollu ossiġnu għat-tul.
U allura l-agħar ħaġa f’ħajti hi dik li nara impjegati joħorġu fuq leave without pay, jitkeċċew jew ma jiġġeddidlhom il-kuntratt tal-impjieg tagħhom.
Qed ngħixu f’xenarju mudlam ħafna. Diġà kien hemm tkeċċijiet ta’ nies, l-ewwel pensjonanti, imbagħad part-timers, u mbagħad full-timers li ntalbu biex jieħdu l-leave kollu u mbagħad leave without pay sakemm jaqgħu fuq ġimgħa xogħol ta’ erbat ijiem jew tlett ijiem.
Min iħaddem ma jkunx irid ikeċċi lin-nies. Aktar u aktar wara li jkun rawwem staff li jkun kiseb l-esperjenza.
Fl-isfond ta’ dan kollu mbagħad tfeġġ il-problema tal-kirjiet. Il-Gvern bagħatna ninnegozjaw mal-kerrej. Fil-verità x’se jiġri mill-inkwilin li jkun spiċċa bla paga? U eventwalment x’se jiġri mill-kerrej jekk l-inkwilin barrani jagħżel li jmur lura f’pajjiżu.?
//= $special ?>