Coronavirus Lokali

156: F’Malta pożittivi 5 każi ġodda

Wara li fl-aħħar 24 siegħa saru xejn inqas 637 swabs l-akbar numru li twettaq s’issa, ħarġu 5 każijiet ġodda sabiex issa n-numru totali ta’ każijiet ta’ Coronavirus f’Malta issa jammontaw għal 156; fosthom hemm 4 pazjenti li qed jingħataw kura fl-ITU. L-anzjan ta’ 72 sena għadu jinsab intubat u f’qagħda kritika.

Fost dawn il-5 każijiet ġodda, 3 huma relatati ma’ safar filwaqt li 2 oħra huma trażmissjonijiet lokali.

F’konferenza tal-aħbarijiet Profs. Charmaine Gauci spjegat li raġel ta’ 30 sena, Malti, ġie lura mill-Messiku fid-19 ta’ Marzu u fl-istess jum beda bis-sintomi ta’ uġiegħ ta’ ras, nuqqas ta’ xamm u togħma. Fortunatament kif ġie lura mill-ewwel mar fi kwartantina. Minħabba li s-sintomi ħasshom kif għamel il-wasla tiegħu Malta qed issir contact tracing mal-persuni li kienu abbord l-ajruplan mal-Malti.

Dan filwaqt li Maltija 46 sena li ġiet lura mill-Ingilterra fil-15 ta’ Marzu ħasset 24 ta’ marzu sintomi – l-uniku sintomu ma bdietx ixxomm. Profs. Charmaine Gauci sostniet li l-vantaġġ f’dan il-każ kien li l-mara obdiet ir-regoli ta’ kwarantina.

Dan filwaqt li healthcare worker ta’ 30 sena mmarka pożittiv wara li ġie lura mill-Ingilterra fl-10 ta’ Marzu u ħass is-sintomi fit-12 ta’ Marzu. Sfortunatament huwa mar għax-xogħol u għaddejjin bil-contact tracing.

Dan filwaqt li mara Maltija ta’ 35 sena, immarkat pożittiva għall-COVID-19 iżda ma kellha l-ebda kuntatt ma’ persuna pożittiva sa fejn taf hi u ma sifritx. Hija ma kinitx qiegħda tmur għax-xogħol – u żewġ membri tal-familja taħgha kellhom is-sintomi.

Finalment mara ta’ 44 sena u li ma kinitx imsiefra bdiet turi sintomi fit-22 ta Marzu iżda sfortunatament kienet qiegħda fuq il-post tax-xogħol u għaddejjin bil-contact tracing.

Profs. Charmaine Gauci appellat li importanti li persuna tibqa’ taħt kwarantina sakemm joħorġilha t-test wara li tkun marret għall-iswab. Hija appellat ukoll sabiex ankè ġaladarba it-test ikun negattiv – xorta waħda wieħed irid jibqa’ d-dar l-għaliex jekk ikun ħass xi sintomi xorta waħda jaf ikun marid b’xi ħaġa oħra.

Dan filwaqt li spjegat li dawk kollha li ma rċevewx l-ittra mit-tabib tal-Gvern u huma tal-fehma li jaqgħu taħt il-lista ta’ vulnerabbli mħabbra fl-aħħar miżuri għandhom jagħmlu kuntatt permezz ta’ imejl fuq covid19.vulnerable@gov.mt filwaqt li dawk li m’għandhomx posta elettronika jistgħu jagħmlu kuntatt fuq in-numru 111.

Finalment hija tenniet tgħid li huwa importanti li n-nies joħorġu barra biss għal bżonn u mhux għad-divertiment. Dan fid-dawl li għada hija festa pubblika u li fi tmiem il-ġimgħa xorta waħda xi nies ħarġu saħansitra jagħmlu l-picnics barra mal-familja.