Għaddew 34 sena mill-Ħadd 30 ta’ Marzu tal-1986. Il-ġurnal in-Nazzjon ta’ dakinhar kien sejjaħ il-ġurnata bħala “Ġurnata sewda f’Ta’ Qali.” Fil-ħin tal-mistrieħ tal-logħba bejn Birkirkara u Sliema Wanderers, inqala’ inċident fejn persuni daħlu fid-dressing room tar-referees u hebbew għalihom. Il-plejers taż-żewġ timijiet ħarġu biex ikomplu l-logħba iżda l-konfront ma kompliex qabel 75 minuta. Tul dan il-ħin, kien issejjaħ f’Ta’ Qali, il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien George Abela u flimkien ma’ uffiċjali oħra ħadu d-deċiżjoni li l-logħba titkompla.
Il-ħarġa tal-għada ta’ In-Nazzjon, irrapportat li waqt il-ħin tal-mistrieħ, il-Ministru f’dak iż-żmien Joe Debono Grech flimkien ma’ xi persuni oħra daħlu fid-dressing-room tar-referes u fost l-oħrajn heddewhom. Il-Viċi President tal-MFA Joe Mifsud u l-Manager tal-Istadium Joe Gatt ippruvaw jintervjenu iżda ġew imbuttati, bir-referee jkollu jagħmel xi punti f’rasu. Wara dan l-inċident, ir-referee Charles Scerri flimkien mal-assistenti tiegħu Charles Zerafa u Charles Schembri ma ridux ikomplu.
Sal-ħin tal-mistrieħ, Birkirkara kienu jinsabu 1-0 fil-vantaġġ, biż-żewġ settijiet ta’ plejers kienu preparati li jilagħbu t-tieni 45 minuta. Wara tliet kwarti, huma reġgħu daħlu flimkien mingħajr inkwiet bejniethom. Kien fl-4.20pm li tħabbar li l-logħba kienet se titkompla, jiġifieri wara 75 minuta minn tmiem l-ewwel taqsima. Iżda l-uffiċjali kienu tlieta differenti, bir-referee Austin Pugliesevich jikkontrolla t-tieni taqsima u l-logħba ta’ warajha flimkien mal-assistenti Charles Agius u Salvinu Muscat.
Sliema dawru l-iskor u ħarġu rebbieħa 2-1 b’konsegwenza li Birkirkara spiċċaw relegati mill-Kampjonat Premier wara staġun biss. Birkirkara kienu fetħu l-iskor wara tmien minuti permezz ta’ Simon Sammut. Wara l-waqfa twila fil-ħin tal-mistrieħ, Sliema ġabu d-draw fil-55 minuta b’gowl ta’ Charles Scerri wara kross ta’ Martin Gregory. Il-gowl tar-rebħa li kkundanna lil Birkirkara għar-relegazzjoni, wasal fid-79 minuta b’xutt mill-ewwel ta’ Michael Taliana li ħabat mal-art qabel għeleb lil Cutajar.
L-inċidenti komplew ukoll fil-bidu tat-tieni logħba, din id-darba fil-VIP. Fil-mira tal-attakki kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Joe Sacco, il-President tal-MFRA Tonio Brigulio u l-President ta’ Sliema Wanderers George Bonello du Puis, b’tal-aħħar iweġġa’ minħabba li waqa’ wara li prova jevita xi persuni li attakkawh.
//= $special ?>