Lokali

Abela jqabbel l-isfidi internazzjonali tal-Coronavirus mat-tmiem tal-kuntratt navali ta’ 41 sena ilu

Robert Abela jqabbel l-isfidi internazzjonali tal-Coronavirus mat-tmiem tal-kuntratt navali ta' 41 sena ilu

Robert Abela jqabbel l-isfidi internazzjonali tal-Coronavirus mat-tmiem tal-kuntratt navali ta' 41 sena ilu

Gepostet von NET News am Montag, 30. März 2020

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela qabbel l-isfidi li qed tiffaċċja d-dinja kollha kawża tal-Coronavirus mat-tmiem tal-kuntratt li seħħ 41 sena ilu biex it-truppi navali Ingliżi jħallu pajjiżna.

F’diskors qasir u rrekordjat, fl-okkażjoni tal-Festa tal-31 ta’ Marzu, Robert Abela sar ieħor fil-lista ta’ Mexxejja Laburisti li ppruvaw ibiddlu l-istorja billi jgħidu li dak li seħħ fl-aħħar ta’ Marzu ta’ 41 sena ilu biddlet l-istorja ta’ pajjiżna.

Dan minkejja li kien l-istess Gvern Laburista, immexxi minn Dom Mintoff, li fl-1974 ġedded il-kuntratt mal-qawwa navali Ingliża għall-ħames snin ta’ wara. U meta dan il-kuntratt kien qed jasal lejn tmiemu, kien il-Gvern Ingliż stess li għażel li ma jerġax iġeddu.

Iżda l-Mexxej Laburista qal li kellu jkun l-intervent tal-eks Prim Ministru Soċjalista biex il-pajjiż mexa ‘l quddiem “meħlus mill-ktajjen tal-passat”. Kien f’dan is-sens li qabbel dak li seħħ 41 sena ilu mal-isfidi internazzjonali tal-lum.

Qal li “il-ħelsien ta’ 41 sena ilu għadu sal-lum relevanti”, hekk kif “illum qed nerġgħu ngħixuh f’kuntest differenti”. U bil-bandiera tal-Partit Laburista warajh, ftit jiem wara attakk diviżiv kontra l-Oppożizzjoni waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern, qal li dan mhux mument ta’ firda jew tal-aħmar u tal-blu.