Coronavirus Internazzjonali

Spanja għandha aktar każi miċ-Ċina…iżda hemm it-tama li l-agħar dalwaqt jgħaddi

Il-Ministru Spanjol għall-Affarijiet Barranin, Arancha Gonzalez, qalet li l-aħħar statistika dwar l-infezzjonijiet tal-coronavirus fi Spanja tindika li ‘il-kurva tal-każi mgħadhiex daqshekk għat-telgħa.’ Intant, l-awtoritajiet fi Spanja konfermaw 6,398 każi oħra tal-coronavirus, għal total ta’ 85,195 li hu ogħla minn taċ-Ċina fejn kienet feġġet l-epidemija ( maż-żmien pandemija) għall-ewwel darba.

Spanja,issa,rappurtat 812-il mewta ġdida mill-Covid-19, bit-total tal-vittmi nazzjonali jitla’ għal 7,340, u li jfisser li dan hu l-agħar pajjiż affettwat wara l-Italja.

Il-belt kapitali Madrid u r-reġjuni tal-Katalonja u tal-Baski huma fost l-agħar zoni milquta fil-pajjiż iżda kien hemm ukoll ftit tal-aħbar tajba – bin-numru tal-każi ġodda kkonfermati jkunu l-aktar baxxi li kienu rappurtati fuq perjodu ta’ ġimgħa,

Arancha Gonzales qalet li l-pressjoni fuq it-taqsimiet għall-kura intensiva tibqa’ l-akbar sfida u qed tittama li r-restrizzjonijiet ġodda għandhom jgħinu biex irażżnu l-firxa.

Fi żviluppi oħra….

Il-Prim Ministru ta’ Iżrael, Benjamin Netanyahu u membri tal-istaff tiegħu qed jiżolaw ruħhom huma u jistennew ir-riżultati tat-testijiet għall-coronavirus. Dan wara li kollaboratur politiku ta’ Netanyahu testja pożittiv għall-virus nhar il-Ħadd.

Fl-Ungerija, il-Parlament ikkonferma poteri speċjali għall-Prim Ministru, Viktor Orban, biex jikkumbatti l-firxa tal-coronavirus. Orban, issa, għandu ‘mandat miftuħ’ biex jieħu l-azzjonijiet li jqis neċessarja, wara li l-assemblea f’Budapest għaddiet liġi li preżenta l-Gvern, li jinkludi fih maġġoranza soda ta’ deputati mill-Partit Fidesz ta’ Orban.

Viktor Orban, li maż-żmien qed iżid il-poteri tiegħu fl-Ungerija, talab estensjoni għal stat ta’ emerġenza li jippermetti biex il-Gvern tiegħu jgħaddi d-digrieti għall-kontroll tal-kriżi tal-coronavirus. Il-leġislazzjoni qanqlet kritika min-naħa tal-Oppożizzjoni Ungeriża, il-gruppi tad-drittijiet umani u l-Kunsill tal-Ewropa, peress li ma tinkludix żmien stipulat għal kemm se ddum effettiva.

Il-Polonja għandha tagħmel aktar rakkomandazzjonijiet dwar jekk isirux jew le l-elezzjonijiet Presidenzjali. Dan jiddependi minn data li se toħroġ kmieni f’April u meta l-ewwel rawnd tal-elezzjonijiet għall-Presidenza hu skedat għall-10 ta’ Mejju. L-aħbar dwar ir-rakkomandazzjonijiet ħariġha l-Ministru tas-Saħħa Pollakk, Lukasz Szumowski, fost il-kriżi tal-coronavirus. Il-Polonja, intant, qed tistenna żieda sinifikanti fil-każi tal-Covid-19 f’artha.

Il-Ġermanja qed isegwi bir-reqqa s-sitwazzjoni, b’kelliema għall-Gvern jgħidu li l-coronavirus qed jinfirex wisq malajr biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet għall-ħajja pubblika. Il-Ġermanja, bħalissa, għaddejja minn lockdown li hu effettiv f’kollox ħlief għad-digriet uffiċjali. Fil-pajjiż hemm aktar minn 57,000 infettat, b’455 imutu mill-effetti tal-Covid-19. Dan meta mhumiex qed jiftħu l-iskejjel, il-ħwienet, ir-ristoranti u l-faċilitajiet sportivi f’dan il-pajjiż.

L-Awstrija qed tinsisti biex il-membri tal-pubbliku jilbsu l-maskli tal-wiċċ fis-supermarkets bħala impenn biex titnaqqas il-firxa tal-coronavirus. Il-maskli se jitqassmu lin-nies minn għada, bil-Kanċillier Awstrijak, Sebastian Kurz, jispjega li n-nies, f’dawn il-jiem, iridu jidraw li jilbsuhom b’mod aktar ġenerali.

Il-Prinċep Charles tal-Ingilterra jinsab tajjeb u ħareġ mill-istat ta’ iżolament li kien impona fuqu nnifsu wara li sar jaf (ġimgħa ilu) li kien infettat bil-coronavirus. Uffiċjal tal-Palazz qal li l-prinċep għadu qed isegwi r-restrizzjonijiet imposti mill-Gvern wara li hu kien dam sebat ijiem l-Iskozja, fejn beda juri s-sintomi ħfief tal-marda.

Is-Sirja rappurtat l-ewwel mewta ‘uffiċjali’ mill-Covid-19, fost l-inkwiet li l-pajjiż jinsab taħt theddida serja f’każ li l-infezzjonijiet jinfirxu, Il-vittma kienet imfissra bħala ‘pazjenta li mietet l-isptar’ iżda ma ngħatawx dettalji speċifiċi. In-numru uffiċjali tal-infezzjonijiet fis-Sirja żdiedu minn ħamsa għal disa’, iżda l-osservaturi jemmnu li l-veru ammont ta’ infettati fiz-zoni kontrollati mill-Gvern jistgħu jlaħħqu ‘mal-mijiet’.

Skont l-aħħar statisstika fuq livell globali, hemm ‘il fuq minn 730,000 infezzjonijiet bil-Covid-19 madwar id-dinja u kważi 35,000 mewta sussegwenti.