Coronavirus Internazzjonali

COVID-19: X’seħħ fl-aħħar 24 siegħa

Jekk l-Unjoni Ewropea ma tnewwilx l-id ta’ għajnuna kif suppost l-estremiżmu u l-ambjent anti-Ewropew ser ikun qed jikxef snienu fi ħdan l-istati membri.

Dan saħqu l-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte filwaqt li spjega li l-istorja urietna kemm-il darba li fi kriżi kbira u bl-ammont ta’ persuni mingħajr xogħol jiżdied b’rata allarmanti, t-tsunami ta’ estremiżmu jżid bil-kbir. Għaldaqstant huwa insista sabiex jibda jitfassal pjan ta’ rikostruzzjoni ekonomika mill-aktar fis possibli. Dan filwaqt li l-Awtoritajiet Taljani ħabbru wkoll li l-lockdown fil-pajjiż ser jiġi estiż oltrè t-3 ta’ April.

Dan kollu wara li fl-Italja tul il-jum tal-Ħadd tilfu ħajjithom xejn inqas minn 756 persuna kawża tal-Coronavirus filwaqt li fi Spanja laħqu l-ogħla ammont ta’ vittmi li rreġistra l-pajjiż s’issa, dak ta’ 838 persuna mejta f’24 siegħa.

Intant fir-Renju Unit, filwaqt li l-Prim Ministru Boris Johnson jinsab taħt kwarantina minħabba li mmarka pożittiv għal COVID-19, Robert Jenrick, Segretarju tal-Komunitajiet sostna li minkejja li l-pajjiż mhux ser ikun qed jibqa’ f’lockdown totali fit-tul – il-kriżi kkawżata minn dan il-virus ser iddum tal-inqas sitt xhur oħra, u għaldaqstant xi restrizzjonijiet ser ikunu qed jibqgħu fis-seħħ.

S’issa n-numru ta’ fatalitajiet fir-Renju Unit qed ilaħħaq ‘il fuq minn 1,200.

B’kollox kawża ta’ COVID-19 tilfu ħajjithom 33, 000 persuna minn madwar id-dinja, terz minn dawn l-imwiet seħħew fil-pajjiż ġar tagħna, fl-Italja. Dan filwaqt li l-pożittivi jammontaw għal aktar minn 691,000 persuna.

Fl-Istati Uniti, il-President Donald Trump ħabbar li l-miżuri ta’ social distancing ser ikunu qed jiġu estiżi tal-inqas sat-30 ta’ April u mhux sal-Għid, bħal ma kien qal inizjalment. Huwa sostna li l-peak ta’ imwiet fl-Istati Uniti huwa mbassar li jintlaħaq minn hawn u ġimgħatejn oħra.

Esperti qrib il-White House qed ibassru li dan il-virus kapaċi jħalli warajh 200,000 fatalità fl-Istati Uniti biss.

Sadanittant fl-Iżrael, persuna qrib il-Prim Ministru Benjamin Netanyahu ttestjat pożittiva għal Coronavirus madanakollu s’issa mhux magħruf jekk il-mexxej ta’ 70 sena kienx espost għal din il-persuna jew le.

Dan filwaqt li fiċ-Ċina komplew jonqsu l-każi ġodda, fejn għas-sitt jum konsekuttiv f’Wuhan, il-belt fejn allegatament oriġina dan il-virus, ma ġew irrapportati l-ebda każi ġodda.

Intant skuderija tal-Formula 1 lesta sabiex tagħti s-sehem tagħha bi sħiħ għall-ġlieda kontra COVID-19. Dan hekk kif inġinjiera mill-University College f’Londra flimkien ma’ Mercedes Formula One, ser ikunu qed joħolqu aġġeġ li jwassal l-ossiġnu sal-pulmun mingħajr il-bżonn ta’ ventilatur.

Dan il-makkinarju mediku diġà qed jintuża fiċ-Ċina u l-Italja madanakollu hawn ammonti żgħar ħafna fiċ-ċirkolazzjoni. Għaldaqstant, huwa mbassar li b’dan l-isforz konġunt mistennija jibdew jinħolqu mal-elf magna kuljum.