Coronavirus Lokali

Ġenituri ‘l barra mis-settur privat ma jafux kif ser jitħallsu

Bosta ġenituri jinsabu mħassba dwar x’ser jiġri minn ħobżhom. Dan hekk kif wara li fit-tieni pakketti ta’ miżuri ta’ għajnuniet finanzjarji mħabbra mill-Gvern dawk l-impjiegi parastatali; bħal fost oħrajn Air Malta, ma ngħatawx għajnuna konkreta fis-segwenti.

Minkejja li dawk il-ġenituri li jaħdmu t-tnejn mas-settur privat u ma jistgħux imorru aktar għax-xogħol sabiex joqgħodu d-dar jieħdu ħsieb lil uliedhom ingħataw l-għajnuna finanzjarja, dawk li m’għandhomx x’jaqsmu mas-settur privat s’issa ma ngħataw l-ebda forma ta’ serħan il-moħħ.

Persuni li tkellmu ma’ NET NEWS sostnew li preżentament jinsabu fuq forced leave iżda malli jispiċċalhom dan il-leave għadu mhux ċert jekk hux ser jaqilbu unpaid jew le. Huma saħqu li tkellmu ma’ persuni inkarigati iżda s’issa m’hemm l-ebda ħjiel ta’ x’tip ta’ għajnuna ser tingħata f’dan ir-rigward.

Il-persuni saħqu li huma kellhom jieqfu minn xogħolhom bil-għan li jibqgħu d-dar u jieħdu ħsieb lill-uliedhom wara li, kif kien xieraq, ingħalqu l-iskejjel u ovjament it-tfal ma jistgħux imorru jżuru lin-nanniet tagħhom għal saħħet l-anzjani tagħna.

Għaldaqstant dawn il-persuni jinsabu f’limbu liema bħalu mingħajr ħjiel ta’ x’ser ikun qed jiġri minn xogħolhom u l-għajnuna finanzjarja li jixraqilhom.

Huma saħqu li b’dan in-nuqqas ta’ ftehim u misteri bla bżonn qed tinħoloq qasma u differenza bejn il-ġenituri fis-settur privat u dawk fis-settur pubbliku jew parastatali.