Lokali

Għaqda qalb l-imsieħba soċjali

L-erbgħa msieħba soċjali; l-Kamra tal-Kummerċ, l-Assoċjazzjoni tal-Lukandiera, il-Kamra tan-negozji żgħar u medji kif ukoll l-Assoċjazzjoni ta’ min iħaddem – li lkoll jirrappreżentaw l-MCESD – waslu fi qbil sabiex innominaw lil Stefano Mallia u Doris Sammut Bonnici bħala rappreżentanti fil-Kumitat Ekonomiku Soċjali Ewropew.

Aktar kmieni din is-sena, Mallia kien ġie elett bħala President fil-Grupp ta’ Min Iħaddem fi ħdan l-istess kumitat Ewropew. Dan filwaqt li Sammut Bonnici preżentament tokkupa l-kariga ta’ President tal-MEA.

Dan il-qbil unanimu bejn l-imsieħba soċjali dwar min għandu jiġi nominat huwa pass mingħajr ebda preċedent minn mindu Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, u huwa aġir rari ħafna ankè fuq livell Ewropew.

Fi stqarrija huma saħqu li kawża taċ-ċirkostanzi li l-Gżejjer Maltin flimkien mal-bqija tal-globu qed iħabbtu wiċċhom, fejn iddeskrivew dan iż-żmien bħala wieħed mill-aktar żminijiet diffiċli – huma ħassew il-ħtieġa li jfittxu l-għaqda neċessarja u mhux il-firda.