Lokali

Ħares it-trademark u d-disinn tiegħek

Ilkoll kemm aħna ninsabu esposti għal mijiet ta’ trademarks u disinni kuljum u fl-istess ħin, bosta prodotti ġodda jiġu introdotti fis-suq kuljum. Dan iwassal biex tkun sfida ta’ vera tiġbed klijenti ġodda. Id-deċiżjoni li jieħu konsumatur hija normalment ibbażata fuq impressjoni ġenerali tajba, trademark distintiva u disinn attraenti. Huwa estremament importanti, li t-trademark u d-disinn jiġu żviluppati biex jattiraw l-attenzjoni tal-klijent u għalhekk għandhom ikunu protetti legalment.

Kemm it-trademark kif ukoll id-disinn tal-prodott huma kkunsidrati bħala assi tan-negozju u jekk tirreġistrahom, inti jkollok drittijiet esklussivi kif ukoll id-dritt li twaqqaf lil ħadd ieħor milli jagħmel, ibigħ jew juża oġġetti li fihom it-trademark jew id-disinn inkorporati mingħajr il-permess tiegħek.

Vantaġġi oħra meta tirreġistra it-trademark u d-disinn tiegħek jinkludu l-possibbiltà li jinfetħu opportunitajiet ġodda u swieq ġodda anke barra l-pajjiż. Jekk tirreġistra għal trademark tal-Unjoni Ewropea (EUTM) u disinn tal-Unjoni Ewropea (RCD), it-trademark jew id-disinn tiegħek hija rreġistrata wkoll fil-livell tal-UE li jagħtik drittijiet esklussivi fit-28 pajjiż tal-UE.

Mod prattiku kif tiġi ddefinita u protetta l-innovazzjoni tiegħek huwa billi tipproteġi t-trademark u d-disinn tiegħek. Tista’ tissottometti applikazzjoni għall-protezzjoni tat-trademark u d-disinn tiegħek f’Malta fuq www.ips.gov.mt.

Għal aktar informazzjoni dwar kif tipproteġi u tirreġistra t-trademark u d-disinn tiegħek f’Malta, żur it-taqsima tad-Direttorat tal-Proprjetà Industrijali fuq il-websajt tad-Dipartiment tal-Kummerċ fuq www.commerce.gov.mt jew kellem lil Business 1st.

Jekk tkun interessat li tipproteġi u tirreġistra t-trademark u d-disinn tiegħek fl-Unjoni Ewropea, tista’ żżur l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) fuq www.euipo.europe.eu.

Il-protezzjoni u r-reġistrazzjoni tat-trademark u d-disinn tiegħek huma fatturi importanti biex in-negozju tiegħek jirnexxi.