Internazzjonali

Harry u Meghan iridu jħallsu għas-sigurtà tagħhom fl-Istati Uniti

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, għamilha ċara li l-Istati Uniti mhix se tagħmel tajjeb għall-finanzjament tas-sigurtà tal-Prinċep Harry tal-Ingilterra u martu Meghan, fost rapporti li din il-koppja rjali trasferiet lejn l-Istati Uniti mill-Kanada.

Għalkemm għamilha ċara li hu ‘ammiratur kbir tar-Reġina Eliżabetta u r-Renju Unit’, Trump sostna li Harry u Meghan iridu jġorru huma l-ispejjeż tas-sigurtà għaż-żmien li jdumu l-Istati Uniti. Intant, il-koppja rjali wieġbu li ma kellhom l-ebda intenzjoni li jitlobu biex is-sigurtà tagħhom fl-Istati Uniti tkun imħallsa mill-fondi pubbliċi.

Il-koppja, fi stqarrija, qalu li mhumiex jaħsbu biex jitolbu lill-Gvern Amerikan għal riżorsi tas-sigurtà u li ‘sar diġà arranġamenti għas-sigurtà personali li se jitħallsu mill-fondi privati’

Dan fost rapporti li Harry u Meghan – id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex – irrelokaw għall-Istat ta’ Kalifornja, fejn kienet għamlet żmien tgħix Meghan. Huma,fis-sigħat li jmiss,se jwarrbu formalment bħala membri ewlenin tal-Familja Rjali Britannika fejn mhumiex se jkomplu bid-doveri għan-nom tar-Reġina Eliżabetta. Dawn l-arranġamenti, intant, jistgħu jkunu riveduti wara sena.