Coronavirus Lokali Saħħa

“Ikollna nagħżlu x-xogħol fuq is-saħħa tal-għeżież tagħna”

Ħaddiema Maltin u Għawdxin qed jispiċċaw ikollhom jagħżlu x-xogħol fuq is-saħħa tal-għeżież tagħhom. Xi ħaġa li qed tkompli żżid mal-inkwiet ta’ bosta familji Maltin wara li l-Gvern mar lura mill-wegħda li kien għamel.

Il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien ħabbar lockdown għall-anzjani kif ukoll persuni oħra li huma meqjusa vulnerabbli minħabba kundizzjonijiet jew mard kroniku bħall-kanċer, izda kien ħabbar ukoll li persuni li jgħixu ma’ dawn in-nies se jingħataw quarantine leave sabiex ikun żgurat li dawn l-aktar faxxa tal-popolazzjoni li huma f’riskju li jiżviluppaw kumplikazzjonijiet ta’ saħħa ma jitpoġġewx f’riskju bla bżonn.

Iżda 24 siegħa wara, il-Prim Ministru Robert Abela fuq ix-xandir tal-Istat dawwar kollox u avviż legali li nħareġ biex jirregola din is-sitwazzjoni naqas għal kollox li jsemmi lil min jgħix ma’ nies vulnerabbli.

Dan qed iwassal biex qraba ta’ anzjani u persuni b’kundizzjonijiet mediċi qed ikollhom imorru għax xogħol u jitħalltu ma’ persuni oħra, b’riskju li jġorru magħhom lejn id-dar il-Covid19.

Fl-aħħar jiem kienu diversi l-persuni li tkellmu ma’ Net News inkwetati dwar il-periklu li jistgħu ikunu qed ipoġġu fih lill-maħbubin taghhom minħabba nuqqas ta’ għajnuna.

Ħaddiema li nqabdu f’din is-sitwazzjoni qed ikollhom jibqgħu jieħdu dan ir-riskju għax sabu rwieħhom mingħajr sostenn finanzjaru f’dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli.

U ħafna qed jisħqu li l-Gvern messu għen lil kull min qed jiffaċja sitwazzjoni iebsa bħal din.

Dawn il-ħaddiema qalulna li qed ikollhom jagħżlu x-xogħol fuq is-saħħa tal-għeżież tagħhom għax fil-verità ma ngħatawx għażla oħra.