Internazzjonali

Il-Coronavirus fir-Renju Unit: Miljuni setgħu bnew diġà immunità għall-infezzjoni

Ir-riċerkaturi tal-Imperial College ta’ Londra, jiem ilu, kienu preżentaw mudell biex ibassar il-firxa tal-pandemija tal-coronavirus, fost l-allarm tal-pajjiżi tad-dinja. Dan il-mudell kien fattur ewlieni għad-deċiżjoni li ħadu d-diversi Gvernijiet biex jinsistu għal-lockdowns – iżda analiżi ġdida mħejjija minn Università ta’ Oxford qed tqajjem possibbiltajiet oħra.

Ir-riċerka minn Oxford tissuġġerixxi, fil-fatt, li l-pandemija tal-Covid-19 setgħet laħqet fażi aktar fit-tul – jew ‘aħħarija – milli setgħu ħasbu l-esperti, qabel.

Qed ikun ikkalkulat li l-virus diġà infetta miljuni ta’ nies madwar id-dinja, bl-istudju—li jikkonċentra fuq ir-Renju Unit —  qed jallega li f’każ li t-teorija tkun valida, nofs il-popolazzjoni Britannika ‘għandha diġà tkun infettata’. F’każ li l-kalkoli huma preċiżi, dan ifisser li t-trasmissjoni tal-Covid-19 kienet bdiet min-nofs Jannar u li l-maġġoranza kbira tal-każi (fir-Renju Unit) ippreżentaw sintomi ħfief jew l-ebda sintomi.

Il-Professur Sunetra Gupta, epidemjoloġista teoretika mal-Università ta’ Oxford li mexxiet l-analiżi, qalet li hi xorta qed tappoġġja d-deċiżjoni tal-Gvern Britanniku ‘biex il-pajjiż jingħalaq’ bħala sistema għall-kontroll tal-virus – u anki jekk ir-riċerka tagħha tinstab li hi korretta.

Fl-istess ħin, Gupta mhix daqstant konvinta mill-preżentazzjoni tar-riċerkaturi mal-Imperial College u tħossha sorpriża li ‘tant kien hemm min aċċetta l-mudell tagħhom bħala mija-fil-mija preċiż, mingħajr ma kkuntestaw id-diversi punti’.

F’każ li l-Professur Sunetra Gupta hi korretta bl-analiżi, dan għandu jfisser li parti kbira ħafna tal-popolazzjoni Britannika bniet diġà reżistenza għall-coronavirus.

U skont din it-teorija, ir-restrizzjonijiet soċjali kapaċi jonqsu aktar malajr milli mistenni.

Intant, Gupta temmen li l-aktar xogħol urġenti għandu jinvolvi impenn qawwi għall-provi mill-awtoritajiet mediċi biex jaraw kemm il-persuna żviluppat l-antibodies kontra l-virus. Sistema bħal din għandha  tgħinhom jikkalkulaw aħjar min seta’ qabdu l-virus.

L-iskwadra ta’ riċerkaturi ta’ Gupta qed jaħdmu flimkien mal-gruppi mill-Università ta’ Cambridge u l-Università ta’ Kent biex it-tests għall-popolazzjoni jibdew mill-aktar fis possibbli.