Coronavirus Futbol Sport

Il-futbol lokali sospiż b’mod indefinit

Il-futbol u l-futsal lokali hu sospiż b’mod indefinit wara videoconference li saret mill-Bureau tal-Malta Football Association. Dan biex jimxu mad-direttivi tal-awtoritajiet lokali tas-saħħa. Il-Malta Football Association qed iżżomm kuntatt regolari mal-partijiet konċernati kemm lokalment kif ukoll b’mod internazzjonali, speċjalment mal-UEFA u l-FIFA.

L-Erbgħa l-UEFA se torganizza videoconference mas-Segretarji Ġenerali tal-55 Assoċjazzjoni Ewropea biex taqsam il-progress li sar miż-żewġ working groups li nħolqu ġimagħtejn ilu. Dan filwaqt li jiddiskuti x-xenarji possibbli b’rabta mal-impenn kollettiv biex potenzjalment jinbidlu d-dati tal-kampjonati domestiċi. L-Erbgħa wkoll, se ssir videoconference separata għall-membri tal-Kumitat tad-Djalogu Soċjali tal-MFA, liema laqgħa se tkompli tiddiskuti u tieħu d-deċiżjonijiet dwar l-impjiegi u r-regolamenti, fid-dawl tal-impatt finanzjarju negattiv minħabba l-coronavirus.

Intant, il-Bureau tal-MFA esprima is-sodisfazzjon li l-ħsibijiet tagħhom intlaqgħu biex ġew inklużi fil-miżuri finanzjarji mħabbra mill-Gvern il-ġimgħa l-oħra.