Lokali Parlament

Il-Gvern għandu biex jagħmel tajjeb għall-kriżi

Mario de Marco, PN

Id-deputat Nazzjonalista Mario de Marco sostna li l-Gvern għandu fondi biżżjjed biex jaħmel tajjeb għall-inizjattiiv finanzjarji meħtieġa quddiem il-kriżi preżenti.

Fil-parlament Marco de Marco qal li dawn huma żminijiet straordinarji li jirrikjedu deċiżjonijiet straordinarji fejn in-negozji qed jitilfu x-xogħol u jnaqqsu l-ħaddiema. Hu kompla li riċessjoni qawwija hi inevitabbli u għalhekk l-impenn hu li l-pajjiż jirkupra kemm jista’ jkun malajr.

Mario de Marco kompla li l-Gvern għandu jipproteġi lill-pajjiż u lill-poplu u għalhekk l-Istat għandu juża l-mezzi kollha disponibbli għalih.

Dan biex il-poplu jkun mgħejjun biex meta dan kollu jgħaddi, l-ekonomija terġa’ tkun xprunata. Il-mistoqsija hi b’kemm l-Istat għandu jgħin; il-prijorità m’għandhiex tkun għajnuna lil mn jitlef l-impjieg iżda għajnuna biex in-nies ma jitilfux il-post tax-xogħol tagħhom.

Hu semma’ l-pakketti ta’ inċentivi u qal li l-Gvern webbes rasu u l-pajjiż tilef numru ta’ ġranet. Il-Gvern għandu jispjega d-dettalji u ma dawwarx kollox propoganda għaliex mhux minnu li l-Gvern se jagħti 100% fil-100% lis-setturi kollha.

Diversi pajjiżi fl-UE qed jagħti sa 80% tal-pagi. L-aktar ta’ tħassib hu li l-Gvern hu maqtugħ mir-realtà dwar liema huma s-setturi milquta. Ħafna setturi naqsilhom ix-xogol u ħafna minnhom jaħdmu numru żgħir ta’ nies iżda huma l-fulkru tal-ekonomija Maltija. Il-Gvern issa qed ikun reattiv, sostna d-deputat Nazzjonalista, li qal li hemm diġà setturi li qed iħossu l-uġiegħ.

Mario de Marco kompla li l-PN għamel diversi proposti biex tkun mgħejjuna l-ekonomija b’għajnuna diretta. Il-banek għandhom rwol kruċjali billi joffru likwidità u jkun hemm moratorju fuq l-imgħax. Il-banek għandhom jaħfru l-imgħaxijiet fuq is-self wara li dawn kenu mgħejjuna fil-kriżi tal-passat.

Il-Gvern għandu minn fejn jagħmel tajjeb għal dan, sostna Mario de Marco, li qal li l-Gvern ġabar €680 miljun mill-bejgħ tal-passaporti. Issa hu l-mument li dawn il-flus jintużaw. Numru ta’ familji bi dħul baxx intlaqtu inidirettament u għalhekk il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għandhom jitraħħsu bin-nofs. Il-Gvern irid jiddeċiedi hux se jagħmel din il-miżura.

Hu qal li biex l-Oppożizzjoni turi l-impenn tagħha f’dan il-mument u sostna li l-Oppożizzjoni mhux se titlob vot.