Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq tfaħħar il-provi tal-missili, fost kundanna

Ir-reġim komunista li jmexxi lill-Korea ta’ Fuq qed jiftaħar bis-suċċess ta’ rocket launchers ‘ta’ daqs straordinarju’, sigħat biss wara li l-Korea t’Isfel ikkundannat l-aħħar provi militari minn Pyongyang bħala ‘mhumiex xierqa’ fi żmien il-pandemija globali tal-coronavirus.

Il-Korea t’Isfel, fi tmiem il-ġimgħa, qalet li kienu sparati żewġ missili għal fuq distanzi qosra mill-artijiet tal-ġar u li kienu ‘parti minn sensiela ta’ provi li saru dan ix-xahar’.

Il-Korea komunista hi magħrufa għall-programmi ta’ prova għall-missili fl-istaġun tar-rebbiegħa u din is-sena ma tidhirx li biddlet il-politika minkejja l-firxa tal-Covid-19.Il-Korea ta’ Fuq irrappurtat biss żewġ każi tal-coronavirus, iżda l-esperti huma xettiċi ħafna dwar l-informazzjoni li ħierġa minn Pyongyang.

L-aħħar provi mill-Korea ta’ Fuq kienu jinvolvu żewġ missili ballistiċi li ġew sparati mill-belt ta’ Wonsan u li koprew distanza ta’ 410 kilometru qabel niżlu fil-baħar. Intant, il-kelliema għal Pyongyang ilbieraħ qalu li rnexxew il-provi ta’ ‘rocket launchers ġodda u ta’ kobor straordinarju’

L-ogħla awtoritajiet militari (il-Joint Chiefs of Staff) fil-Korea t’Isfel wieġbu li l-azzjoni militari mill-Korea ta’ Fuq żgur ma kenitx xierqa fi żmien partikularment diffiċli għad-dinja, waqt li sejħu biex Pyongyang ‘iwaqqaf dan l-aġir minnufih’.