It-Tnejn filgħodu il-Partit Nazzjonalista organizza konferenza permezz ta’ Skype mal-operaturi fis-settur tal-istabbilimenti tal-ikel, bħar-ristoranti u l-bars kif ukoll dawk fil-qasam tal-ospitalità.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tkellem dwar kriżi li qatt ma rajna bħala u li l-ewwel settur li ntlaqat ħażin miċ-ċirkostanzi preżenti kien propju dak tal-catering u l-ospitalità. Huwa spjega kif il-kriżi għal dawn l-oqsma se tkun waħda fit-tul hekk kif mistenni li jkunu l-aħħar li jiġu fuq saqajhom anke wara li kollox jerġa lura għan normal.
Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni diġa għamlet il-proposti tagħha lill-Gvern sabiex dawn l-oqsma jkollhom aktar sostenn.
Fost il-proposti, l-Oppożizzjoni talbet li l-Gvern jagħti nofs paga medja lill-ħaddiema f’dawn is-setturi, li jitnaqqsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma lill-opearturi b’50%, li dawn l-operaturi jiġu eżentati milli jħallsu l-kontribut tagħhom lill-Awtorità tat-Turiżmu, u li jingħataw moratorju fuq is-self għal 6 xhur wara li jerġgħu jibdew joperaw.
Minn naħa tagħhom l-operaturi tkellmu dwar it-tħassib kbir li għandhom u talbu li jsir qafas legali u finanzjarju biex isostni lin-negozji wara li jerġgħu jibdew joperaw.
Adrian Delia ħabbar li l-Partit Nazzjonalista qed joffri pjattaforma li tgħin b’pariri professjonali lill-operaturi f’dawn l-oqsma u wiegħed li din il-pjattaforma se tinżamm anke wara li jgħaddi dan iż-żmien ta’ sfida.
Flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, ipparteċipaw f’din il-konferenza Skype ukoll iż-żewġ vici-kapijiet tal-Partit, David Agius u Robert Arrigo, kif ukoll id-Deputat Nazzjonalista Hermann Schiavone u Andrè Grech, President Forum SMEs.
//= $special ?>