Coronavirus Futbol Sport

Il-plejers ta’ Barcelona jnaqqsu 70% tas-salarju tagħhom

(Ritratt: EPA)

Il-plejers ta’ Barcelona aċċettaw li jnaqqsu s-salarju tagħhom b’70% u se jagħtu donazzjonijiet biex jgħinu lill-impjegati tal-klabb biex ikomplu jirċievu s-salarji kollha. Il-captain tal-klabb Lionel Messi ħabbar din id-deċiżjoni fuq Instagram fejn insista li l-plejers dejjem kienu miftuħa għall-idea li jnaqqsu s-salarji minħabba l-coronavirus iżda kellhom jieħdu ż-żmien biex jikkonkludu l-ftehim.

Filwaqt li kkonferma din id-deċiżjoni, Messi kkritika l-aħbarijiet li qalu li l-aqwa plejers tal-klabb damu biex ħadu din id-deċiżjoni. Hu qal li bħala plejers dejjem kienet ir-rieda tagħhom li jnaqqsu s-salarju li jirċievu għaliex jifhmu s-sitwazzjoni eċċezzjonali. “Mhux sorpriż li kien hemm min hu fil-klabb li ried ipoġġi lilna taħt il-lenti u pprova jżid il-pressjoni dwar xi ħaġa li dejjem konna nafu li se nagħmlu. Il-ftehim dam għal ftit jiem għaliex sempliċiment ridna li nsibu formula li tgħin lill-klabb u wkoll lill-ħaddiema f’dawn il-mumenti diffiċli,” qal Messi. La Liga ssospendiet il-kampjonat mill-ewwel ġimgħa sħiħa ta’ Marzu minħabba l-COVID-19.