Lokali Parlament

Il-PN jibqa’ jpoġġi l-interessi nazzjonali bħala prijorità; jivvota favur li l-Gvern iżid is-self quddiem il-kriżi

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-PN qed ipoġġi l-interess nazzjonali bħala prijorità u se jivvota biex il-Gvern iżid is-self quddiem il-kriżi tal-corona virus.

Fil-parlament Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni se tivvota li l-Gvern iżid is-self favur għaliex f’dan il-mument, il-ħaddiema u n-negozji dan għandhom bżonn. Din se tkun eċċezzjoni għaliex is-soltu l-Oppożizzjoni dejjem tivvota kontra liġi finanzjarja iżda l-Oppożizzjoni tpoġġi s-saħħa bħala prijorità.

Hu kompla li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tappoġġja lill-awtoritajiet tas-saħħa u lill-poplu Malti u Għawdxi f’dan il-mument ta’ bżonn. L-Oppożizzjoni diġà għamlet diversi proposti tant li l-Gvern anki aċċetta numru minnhom u wettaqhom.

Fost dawn kien hemm protezzjoni għan-nies vulnerabbli, dawk li jaħdmu mid-dar, jgħin lill-media houses, fit-trasport, fl-edukazzjoni, fis-sigurtà, fl-għajnuna psikoloġika, lin-negozji, lill-ħaddiema u lill-anzjani weħidhom. Il-PN qed jieħu wkoll inizjattivi u kkritika lill-Gvern li ma kienx qed jagħmel biżżejjed bħall-ewwel żewġ pakketti finanzjarji li ma kienux biżżejjed.

Il-PN qed iwassal ukoll il-messaġġ tal-awtoritajiet tas-saħħa, sostna Adrian Delia, li kompla li x-xogħol kollu li sar fi 12-il ġimgħa tħarbat mill-Prim Ministru fi 12-il minuta. Il-Prim Ministru ddikjara li jrid jieħu l-vaganzi tas-Sajf; l-uniku Prim Ministru fid-dinja li qed jaħseb biss fuq kif se jgawdi s-sajf tiegħu flok fuq is-sitwazzjoni. Il-Prim Ministru wettaq u-turn ukoll fuq jekk hemmx lockdown fuq l-anzjani jew le.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-interess ewlieni għandu jkun is-saħħa tan-nies. Kien żball meta l-pajjiż dam biex għalaq il-frutnieri, meta dam biex daħħal kwarantina obbligatorja u l-Prim Ministru dawwar pożizzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa. Il-Prim Ministru qal li kien għamel u-turn wara li sema’ mill-poplu.

“Ma nistgħux inkunu popolisti f’dan il-mument”, sostna Adrian Delia, li appella biex il-Gvern ikun proattiv u mhux reattiv skont ma jgħidu n-nies u skont dak li hu iktar popolari.

Dwar l-ekonomija, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li din il-kriżi se tweġġa’ lil kulħadd għalkemm il-Ministru tal-Finanzi qal li Malta qed tagħmel aħjar minn pajjiżi oħra. Dan meta pajjiżi oħrajn qalu li mhux se jintilfu impjiegi u mhu se jbati ħadd. Il-Gvern Malti qed jiddikjara li dawk li nsiehom iridu jfendu għal rashom. Il-Gvern iffoka fuq 60,000 ħaddiem iżda warrab 100,000 persuna oħra. Il-Gvern hu obbligat li jgħin lil dawn ukoll.

Hu qal li l-Iżvizzera ħabbret ftehim ġdid ta’ għajnuna b’impenn qawwi mill-Gvern.

Dwar l-enerġija, Adrin Delia qal li l-pajjiż qed jiffranka €90 miljun fis-sena bil-prezzijiet baxxi taż-żejt u sostna li l-Ministru tal-Finanzi għandu jiddikjara jekk jistax iraħħas il-kontijiet tad-dawl u jekk hux se jkun hemm ir-roħs effettiv. Bħalissa l-poplu għandu jkun mgħejjun.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni semma’ l-bejgħ tal-isptarjiet pubbliċi fejn il-poplu ħallas €250 miljun għalxejn. F’dan il-mument fejn il-pajjiż għandu bżonn is-sodod; il-pajjiż suppost għandu 900 sodda lesti. Flok il-pajjiż nefaq €6 miljuni f’ventilautir, Tumuluri ħa €6 miljuni.

Hu kkritika l-fatt li rappreżentanti tal-Gvern innegozjaw li jekk Vitals jonqsu u jfallu, il-Gvern iħalllashom €100 miljun. Dan hu xi ħaġa kriminali u immorali, sostna Adrian Delia, li kompla li l-Prim Ministru għandu jdejh marbutin minn ta qablu li ħallewh f’sitwazzjoni li ma jistax jiċċaqlaq. Ejja niġġieldulhom flimkien; l-Oppożizzjoni se tkun fuq in-naħa tal-poplu biex ma nħallsu lill-ebda barrani li kuntrattaw dawk li ntarbtu f’dak il-kuntratt kriminali.

Adrian Delia qal li l-Gvern għandu 1,000 person of trust li jiswew €60 miljuni fis-sena iżda l-Gvern m’għadux flus għall-infermiera li qed jiġġieldu din il-gwerra. Hu appella biex il-flejjes li ntremew jinġiebu lura lejn il-pajjiż biex l-anzjani u n-negozji jkunu jistgħu jiġu mgħejjuna.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-ewwel li jiġu huma Malta u l-Maltin.