Coronavirus Lokali

Il-prioritajiet ta’ Abela u Scicluna mhumiex skont il-ħtiġijiet tal-poplu Malti

Wara li Robert Abela prova jserraħ ras il-ħaddiema Maltin billi jgħid li l-flus m’humiex importanti imma l-aqwa li jkunu f’saħħithom u allura mhux kull ħaddiem f’diffikultà se jkun qed jibbenefika mill-miżuri mħabbra mill-Gvern, issa l-Ministru tal-Finanzi ħabbrilna li kulħadd se jbati l-konsegwenzi.

Huwa f’dan iż-żmien ta’ kriżi li naraw min imexxi verament xi jsarraf. Lil hinn mill-kliem sabiħ u l-PR stunts, issa huwa l-waqt li l-poplu Malti jkun qed isarraf il-politika ta’ dan il-Gvern. Se jkun qed isarraf il-ftehim li għamel man-negozjanti barranin u Maltin li xtraw parti sostanzjali mill-Enemalta u ma’ min seraqna l-isptarijiet f’Malta u f’Għawdex. Dawn se jibqgħu jħaxxnu bwiethom bis-saħħa ta’ dan il-Gvern. Dawn huma żewġ fatturi ewlwnin li qed jolqtu lill-poplu Malti fil-laħam il-ħaj. Fi ftit kliem bħala Maltin se nerfgħu l-piż tal-konsegwenzi tal-korruzzjoni ta’ dan il-gvern.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mit-taqsima Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN).

L-SĦPN qal li huwa fatt magħruf li l-Gvern żied in-nefqa għas-saħħa matul din il-kriżi b’ €35 miljun meta lill-Vitals u lil Steward Healthcare tajnihom diġà €240 miljun u qed intuhom kuljum €188,000, jew €1.3 miljun fil-ġimgħa, filwaqt li n-negozjant korrott ħabib tal-Gvern Malti Ram Tumuluri ta lilu nnifsu bonus ta’ €5 miljun ewro.

Il-Ministru tal-Finanzi f’intervista ppublikata nhar il-Ħadd li għadda qal li ma jistax joħroġ il-pagi kollha għall-ħaddiema Maltin f’diffikultà. Imma fl-istess nifs qed jarmi l-miljuni sabiex insostnu lil ta’ Steward.

Il-Ministru Scicluna saħaq ukoll li issa mhux f’idejn il-Gvern Malti sabiex iraħħas il-kontijiet tad-dawl. Minħabba ftehim li fih jibbenefika l-barrani mhux il-poplu Malti, l-poplu Malti mhux se jkun qed igawdi mill-fatt li ż-żejt bħalissa qiegħed fl-orħos prezzijiet tiegħu ta’ $22-il barmil. Se nibqgħu nħallsu bil-għali anke għall-fuel. U l-flus se jkunu qed idaħħluhom iċ-Ċiniżi u l-bqija tal-klikka li għandha subajha imdeffsin fl-Enemalta. Dan kollu grazzi għall-aġir tal-Gvern Laburista.

Sadanittant il-poplu Malti hu mħeġġeġ jobdi sabiex ma jitħassrux il-vaganzi tas-sajf tal-Prim Ministru, tkompli tgħid l-istqarrija.

SĦPN filwaqt li tirringrazzja lil dawk il-ħaddiema kollha li qed jagħtu sehemhom f’dan il-mument delikat, tappella lill-poplu Malti sabiex jisma’ u jobdi l-appelli li l-awtoritajiet tas-saħħa qed joħorġu kontinwament.

Dan mhux żmien ta’ kampanja elettorali u ftaħir li ma jsarraf xejn fil-ħajja tal-poplu Malti. Dan huwa ż-żmien ta’ għaqda bejnietna sabiex negħbu din l-isfida bħala poplu wieħed temmet tgħid l-istqarrija.

Ikkummenta