Coronavirus Lokali

Imħabbra minn Malta Enterprise il-parametri biex tapplika għall-għajnuna finanzjarja

Dawk il-persuni li jgħixu taħt l-istess saqaf ma’ persuni li huma taħt kwarantina obbligatorja huma intitolati għall-Quarantine Leave. Dawn huma dawk il-persuni li jgħixu ma’ persuni li ġew lura minn barra minn xtutna wara t-13 ta’ Marzu, dawk li jgħixu taħt l-istess saqaf ma’ persuni li ġew lura mill-Italja, Ċina, Singapor, Ġappun, Iran jew Korea t’Isfel mis-27 ta’ Frar kif ukoll dawk li mill-11 ta’ Marzu ġew lura minn Spanja, Ġermanja, Franza jew Żvizzera.

Dawn kollha flimkien ma’ dawk li għal xi raġuni jew oħra ġew obbligati jibqgħu ġewwa mid-Direttorat tas-Saħħa Pubblika b’rabta ma’ test pożittiv għall-Coronavirus huma intitolati sabiex min iħaddimhom japplikalhom għal-leave ta’ kwarantina.

Madanakollu dawk li jgħixu ma’ persuni li qed josservaw kwarantina preventiva ma jistgħux japplikaw għal din l-għajnuna finanzjarja. Kif spjegat ma’ NET NEWS minn rappreżentanti tal-Malta Enterprise, il-miżuri mħabbra fl-Avviż Legali fi tmiem il-ġimgħa ma jfissrux kwarantina obbligatorja – jiġifieri anzjani li għandhom ‘il fuq minn 65 sena kif ukoll dawk il-persuni li jsofru minn mard kroniku jew nisa li qed jistennew tarbija jistgħu joħorġu għal qadi ta’ kuljum.

Għaldaqstant dawk il-persuni li jgħixu fl-istess residenza magħhom m’humiex obbligati jissakkru ġewwa u jistgħu jmorru għax-xogħol.

Dan filwaqt li mit-Tnejn filgħodu Malta Enterprise ppublikaw il-formola tal-COVID Wage Supplement Scheme – sabiex min iħaddem u ankè dawk is-self employed li jaħdmu għal rashom ikunu jistgħu japplikaw għall-għajnuniet finanzjarji mħabbra mill-Gvern – għal dawk li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux imorru x-xogħol jew kellhom iwaqqfu ħesrem l-attività kummerċjali kawża taċ-ċirkostanzi li pajjiżna qed iħabbat wiċċu magħhom.

Fil-lista ta’ linji gwida fost oħrajn jingħad ċar li dawk l-impjegati li ser ikunu qed jibbenefikaw minn din l-iskema ma jistgħux jiġu mkeċċija minn xogħolhom filwaqt li min iħaddem xorta waħda għandu jibqa’ jħallas is-sehem tiegħu f’dik li għandha x’taqsam bolla.

Il-formola ta’ applikazzjonijiet tapplika kemm għall-ħaddiema fuq bażi full-time kif ukoll dawk fuq bażi part-time.

Dawk in-negozji u kumpaniji li kellhom l-operazzjonijiet tagħhom totalment imwaqqfa kawża tal-miżuri li ttieħdu mill-Gvern u l-impjegati jaqgħu taħt din il-miżura mħabba, min iħaddimhom ma jistax ipoġġihom fuq unpaid leave, iżda huwa japplikalhom għal din l-iskema.

Dan is-suppliment ser ikun qed jipprovdi lil ammont limitat ta’ impjegati l-paga bażika. L-ammont ta’ €800 għajnuna tapplika għal dawk l-impjegati full time li s-settur tagħhom ġie affettwat drastikament mill-kriżi tal-pandemija jew li jagħmlu parti minn dawk in-negozji li kellhom jissospendu l-operazzjonijiet tagħhom ħesrem kawża ta’ miżuri marbuta mal-kriżi.

Dan kollu jinkludi wkoll is-self employed filwaqt li dawk il-ħaddiema fuq bażi part-time huma eliġibbli għal €500 fix-xahar. F’Anness A, wieħed isib dawk is-setturi kollha li jaqgħu taħt din il-kategorija; b’mod speċjali dawk involuti fis-settur turistiku, divertiment, strutturi tas-sewqan, aġenti, wholesalers u dawk li għandhom negozji mill-aktar affettwati minn din il-kriżi.

Dan filwaqt li impjegati full time f’intrapriżi f’Anness B fost oħrajn uħud mill-wholesalers, manifattura, warehousing u media houses li jissuplixxu l-informazzjoni huma intitolati għal ġurnata paga fil-ġimgħa abbażi ta’ €800 – jiġifieri €160 fix-xahar. Sussegwentament, dawk li jaqgħu taħt din il-kategorija u jaħdmu fuq bażi ta’ part-time huma intitolati għal €100 fix-xahar.

Dawk is-self employed li jaqgħu taħt Anness B u li jħadmu magħhom xi impjegati huma intitolati għal jumejn paga kull ħaddiem jiġifieri €320 fix-xahar ir-ras.

Fil-każ ta’ Għawdex dawk l-intrapriżi li jaqgħu taħt din il-kategorija ser ikunu qed jingħataw ukoll €320 fix-xahar għal kull impjegat full time, u €200 għall-ħaddiema part time.

Dan filwaqt li l-ħaddiema self-employed Għawdxin li jaqgħu ukoll taħt l-istess kategorija ser ikunu intitolati għal €320. Dan filwaqt li dawk li jħaddmu magħhom l-impjegati huma eliġibli għal €480, u €320 għal kull impjegat li jħaddmu.

Dawk in-negozji u kumpaniji li kellhom l-operazzjonijiet tagħhom totalment imwaqqfa kawża tal-miżuri li ttieħdu mill-Gvern u l-impjegati jaqgħu taħt din il-miżura mħabba, min iħaddimhom ma jistax ipoġġihom fuq unpaid leave, iżda huwa japplikalhom għal din l-iskema.

Din l-iskema tapplika wkoll għal dawk il-ħaddiema li kawża tal-kriżi ser ikunu obbligati jaħdmu fuq bażi ta’ tlieta jew erbat ijiem fil-ġimgħa biss.