Lokali

Ingliż jaqa’ minn fuq dgħajsa; jsofri ġrieħi serji

Raġel Ingliż ta’ 56 sena, kellu jittieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li kien involut f’inċident il-Gżira.

Għall-ħabta tal-10.00am, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fl-inħawi magħrufa bħala Manoel Island, il-Gżira, minħabba li kien hemm raġel li kien qiegħed fil-baħar wara li x’aktarx waqa’ minn fuq dgħajsa.

Fil-post kien hemm jassistu membri tal-Protezzjoni Ċivili, membri mil-Forzi Armati ta’ Malta u membri mis-Soċjeta’ tas-Salib Aħmar.

Ir-raġel ingħata l-ewwel għajnuna mill-membri mis-Soċjeta’ tas-Salib Aħmar, filwaqt fil-post issejħet ambulanza li ħadet lill-vittma l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa.

Aktar tard huwa ġie ċċertifkat li qed isofri minn ġrieħi serji. Dwar dan il-każ, se tinħatar inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.