Lokali

”L-Għajnuna tal-Gvern hi diskriminatorja” – Alfred Mifsud

Filwaqt li l-miżura ta’ posponiment tat-taxxi kienet waħda li tolqot lil kulħadd, it-tieni u t-tielet pakkett ta’ miżuri inħmew ta’ malajr u għandhom xamma ta’ diskriminazzjoni bejn setturi ekonomiċi differenti.

Kliem Alfred Mifsud, eks Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, fejn f’artiklu fil-ġurnal Times of Malta, sahaq illi hu diffiċli biex wieħed iwieġeb jekk il-miżuri li tħabbru sa issa humiex biżżejjed jew le.

Hu qal li hemm tliet fatturi ewlenin li għadhom mhux magħrufa li jwasslu biex wieħed jaħseb li l-għajnuna sa issa taf ma tkunx biżżejjed.

L-ewwel fattur hu kemm se jeħtieġ riżorsi is-settur tas-saħħa biex ilaħħaq maż-żieda fil-każi ta’ Covid-19 f’pajjiżna. It-tieni hu kemm hu ż-żmien meħtieġ fejn l-ekonomija se tkun essenzjalment iffriżata bil-persuni jkollhom jibqgħu id-dar. Filwaqt li t-tielet punt li semma’ Alfred Mifsud hu ….kemm se ddum biex l-ekonomija tirpilja u terġa’ tiġi għall-livelli ta’ qabel.

Għalissa ħadd m’għandu it-tweġiba għal dawn it-tliet mistoqsijiet, sostna Alfred Mifsud. Li hu żgur hu li dawn se jkollhom effetti qawwija kemm fuq il-finanzi tal-Gvern kif ukoll fuq l-ekonomija b’mod ġenerali.

Hu maħsub li se jgħaddu sitt xhur biex setturi bħat-turiżmu, id-divertiment, servizzi finanzjarji u kostruzzjoni jerġgħu jaraw titjib bir-ritorn tal-fiduċja mill-konsumaturi.

Alfred Mifsud qal li l-Gvern irid jagħmel minn kollox biex iwieżen l-operaturi ekonomiċi ewlenin biex ma jintilfux l-impjiegi  u biex l-operaturi ikunu fuq saqajhom meta l-kriżi tgħaddi. Kompla li l-fatt li l-Gvern minn surplus jispiċċa għal deficit ..id-daqs ta’ dan id-deficit huwa kwazi sekondarju.

Dwar il-miżuri tal-Gvern, Alfred Mifsud qal li dawn il-programmi huma tal-ewwel għajnuna.  Jekk id-diffikultajiet ikunu fit-tul, tenna Alfred Mifsud, diversi setturi li baqgħu mhux milquta mill-miżuri se jżidu l-għajta tagħhom għal iktar għajnuna.

Kliem kważi profetiku ta’ Alfred Mifsud hekk kif bdew ifeġġu t-twissijiet ta’ ċertu setturi li ma ntlaqtux mill-miżuri tal-Gvern, fosthom ir-riċevituri tal-lottu…li ma gawdew xejn minn dawn il-pakketti ta’ ghajnuna. Operaturi li tkellmu maghna qalulna li l-uniku dhul taghhom jiddependi mill-banka tal-lottu – dhul li issa sfuma fix-xejn, bil-Gvern ma jaghti ebda tip ta’ sostenn lil dawn il-familji.