Lokali

L-MDA lill-Gvern: “Agħti lura l-art tal-ITS”

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin qed tpoġġi lill-Gvner taħt pressjoni biex l-art tal-ITS bejn San Ġiljan u Pembroke terġa’ tingħata lura lill-popu Malti.

Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, Marthese Portelli, f’kummenti lil tat lill-ġurnal Times of Malta qalet li l-mod kif tmexxa l-proċess ta’ dan il-permess ma kienx jirriffletti governanza tajba.

L-iżviluppaturi qed jinsistu li fid-dawl tar-rapport tal-Awditur Ġenerali, issa huwa aktar evidenti li dan il-proġett ma kienx intiż biex jibbenefika minnu l-poplu kollu, aktar u aktar meta tul il-proċess iddaħħlu deals li jbiddlu dak li kellu jkun l-użu oriġinali tal-iżvilupp.

L-MDA qed tinsisti li l-Gvern jirrikorri għal pariri legali sabiex jara kif artijiet ta’ dan it-tip jistgħu jerġgħu jittieħdu lura fl-interess tal-pajjiż kollu. Il-Grupp DB minn naħa tiegħu qed jinsisti li r-Rapport tal-NAO jikkonferma li l-prezz li tħallas mill-Grupp kien skont il-valur tas-suq. Il-Grupp saħaq li dan ir-Rapport ineħħi kull forma ta’ dubji li seta’ kien hemm.

L-użu oriġinali tal-art tad-DB kellu jkun għal proġett li jinkorpora taħlita ta’ akkomodazzjoni turistika lussuża kif ukoll kumpless ta’ divertimenti li jinkludi wkoll lukanda ta’ ħames stilel.

Iżda ftit wara li kien iffirmat il-ftehim, il-PN kien talab lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-konċessjoni tal-art, hekk kif beda jidħol dejjem aktar suspett qawwi ta’ korruzzjoni f’dan id-deal, bis-suspett li din l-art kienet ingħatat bix-xejn lill-grupp involut.

Ir-rapport tal-NAO fost affarijiet oħra jgħid li l-Awditur Ġenerali ma setax jistabblixxi liema ministeru kien ħa d-deċiżjoni li dan is-sit ikun trasferit lill-iżviluppatur.

Jghid ukoll illi filwaqt li Projects Malta kienet ikklassifikat it-trasferiment ta’ din l-art bħala konċessjoni kienet naqset li tikseb awtorizzazzjoni mid-Dipartiment tal-Kuntratti qabel ma kienet ippubblikat it-talba.

Għal dan il-proġett, il-Grupp DB kien l-uniku wieħed li tefa’ l-offerta tiegħu. L-offerta tagħhom kienet ta’ €17-il miljun biss, u kienet ġiet aċċettata mill-Gvern fost kontroversja u kritika goffa minn diversi partijiet. Eventwalment, wara kritika enormi il-Grupp kien hallas mas-€60 miljun.

Huwa mifhum li biex isir it-trasferiment tal-ITS minn fuq din l-art għal ġewwa Smart City, il-Gvern se jkollu joħroġ madwar €75 miljun. Dan minbarra l-miljuni l-oħra li ntefqu sabiex l-ITS mexa lejn Ħal Luqa fejn jinsab temporanjament.