Lokali Mużika

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta b’ringrazzjament lill-eroj tagħna

Għalkemm l-użanza hija li ċ-ċapċip tirċevihom hi, din id-darba l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta ħasset il-ħtieġa li ċ-ċapcipa tagħmilha hi.

L-Orkestra Maltija ppublikat Ċapċip… Minn Qalbna, vidjo mużikali b’kompożizzjoni tal-Perkussjonista Prinċipali tal-Orkestra, Daniel Cauchi.

Iċ-ċermen eżekuttiv, Sigmund Mifsud spjega li l-MPO ħasset il-ħtieġa li tesprimi sens ta’ gratitudni qawwi lejn l-eroj tad-dinja moderna, jiġifieri dawk kollha li jaħdmu fis-settur mediku u mhux biss li qed jagħtu ħajjithom sabiex joħorġuna mill-kriżi li xeħtitna fiha din il-pandemija.

Dan filwaqt li tħabbar li l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta ser tkun qed toħloq numru ta’ inċentivi onlajn sabiex f’dan il-perjodu żżomm il-mużika ħajja bil-għan li tkun katalista u tkompli tispira lill-pubbliku. Dan kollu permezz ukoll ta’ fost oħrajn membri tal-MPO jaqsmu fuq il-midja soċjali sfidi ġodda fl-aspett ta’ mużika.

Intant, minkejja li l-orkestra kkanċellat il-kalendarju tagħha sat-30 ta’ April kawża ta’ COVID-19, kull nhar ta’ Ħamis fuq Facebook qed jiġi ppubblikat serje bi clips qosra ħafna ppreżentat minn Julie Zahra.