Ekonomija Lokali

Mappa li tqarribna lejn il-biedja Maltija

L-għaqda Friends of the Earth Malta ppublikat il-Malta Farm Map, l-ewwel mappa fil-ġeneru tagħha li turik fejn u liema hemm l-irziezet u swieq ta’ biedja lokali.

Fi stqarrija FoEM saħqu li l-għan huwa sabiex jgħaqdu l-bdiewa u l-konsumatur direttament f’dan iż-żmien diffiċli li ninsabu fih u li għad irridu nħabbtu wiċċna miegħu. Din il-mappa mistennija sservi ta’ inizjattiva u promozzjoni sabiex jingħata s-sapport meħtieġ lill-bdiewa sabiex ibiegħu l-prodott tagħhom.

F’din il-mappa l-pubbliku jista’ jsib dawk l-irziezet lokali u produtturi ta’ frott u ħxejjex li jixtiequ jwasslu l-prodott tagħhom dirett lill-konsumatur.

Id-Direttur ta’ din l-għaqda, Martin Galea De Giovanni sostna li dan is-servizz huwa wieħed gratis u grazzi għal din il-pjattaforma diġitali wieħed jittama li l-bejgħ ikun wieħed dirett għal pjunieri tal-agrikolutra Maltija.

FoEM saħqu għall-importanza li f’dawn iż-żminijiet tant diffiċli l-pubbliku jixtri prodotti lokali sabiex ngħinu lil dawk li jħaddmu l-art Maltija jsibu saqajhom ekonomikament malajr kemm jista’ jkun.