Lokali

Residenti f’Tas-Sliema imbeżża’ fi djarhom

Filwaqt li l-Awtoritajiet tas-Saħħa qed iħeġġu lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex kemm jista’ jkun ma joħorġux minn djarhom għajr għal ħtiġijiet urġenti jew għax ma jistgħux jagħmlu mod ieħor – ma ġenbhom għadu qed jissokta x-xogħol ta’ kostruzzjoni.

Fuq post ippublikat fuq il-midja soċjali ttellgħu diversi ritratti tal-ħsara li ġiet kkawżata f’garaxx allegatament kawża tax-xogħolijiet li qed isiru.

Ingħad li t-Tnejn filgħodu residenti f’Tignè Palce, Triq Tignè, tas-Sliema – ħassew theżżiża waqt li x-xogħolijiet kienu għaddejjin taħt il-galleriji tagħhom. Persuna li kitbet fuq il-midja soċjali sostniet li r-residenti ta’ din il-blokka ilhom xhur jinnotaw ħsara fil-garaxxijiet li jinsabu proprju taħt l-appartamenti li jirresjedu fihom. Huma saħqu li fil-bidu bdew jinnutaw konsenturi qawwija, fejn saħansitra l-ilma tax-xita beda jnixxi – u illum ġara dak li bosta kienu qed jistennew b’tiġrif estensiv u inkwetanti.

Residenti saħqu li x-xogħol ta’ skavar, fil-proġett Town Square Project, skonthom qed isir wisq viċin ir-residenza tagħhom – bir-ritratti jixhdu proprju dan. Huma saħqu li l-proġett tal-bini ta’ torri ta’ 27 sular qed iwettaq ħsara fil-pedamenti ta’ binja appartamenti ta’ 7 sulari biswit il-proġett.