Coronavirus Lokali Saħħa

AĠĠORNATA: 13-il każ ġdid ta’ COVID-19 reġistrati f’pajjiżna… it-total jitla’ għal 169

Hekk kif pajjiżna jinsab fir-raba’ ġimgħa ta’ din il-kriżi tal-COVD-19, it-total ta’ każi pożittivi issa tela’ għal 169. Sa issa hemm biss 2 persuni li fiequ mill-COVID-19.

Fl-aħħar 24 siegħa saru 563 swabs, li minnhom 13 ittestjaw fil-pożittiv. S’issa b’kollox saru 6,934 test. Minn dawn it-13-il każ, kien hemm 8 trażmissjoni lokali u 5 relatati ma’ safar.

Bħalissa hemm 2 persuni  rikoverati fit-Taqsima tal-Kura Intensiva, 7 qed jinżammu l-IDU u 16 oħra fi sptar privat. Minn dawk li qed jinżammu l-ITU – wieħed minnhom għadu f’kundizzjoni kritika u jinsab ntubat. Il-persuna l-oħra qed tingħata l-ossiġnu iżda s’issa m’hemmx il-bżonn li tkun intubata.

Fost it-tmien każi ta’ trażmissjoni lokali hemm mara ta’ 30 sena, żagħżugħa ta’ 26 sena, mara ta’ 43 sena, raġel ta’ 41 sena u żagħżugħa ta’ 27 sena.

Żewġ każi oħra huma ta’ anzjana ta’ 72 sena u r-raġel tagħha ta’ 75 sena, li huma l-ġenituri ta’ persuna li kienet pożittiva. Hemm ukoll każ ieħor ta’ tifla li għandha 8 snin.

Il-maġġoranza tal-każi li huma relati ma’ safar huma importati mill-Ingilterra. Hemm każ ta’ żewġ aħwa, wieħed ta’ 19-il sena u l-ieħor ta’ 23 sena li kienu ġejjin mill-Ingilterra.

Kien hemm ukoll żewġ każijiet oħra: żewġ irġiel ta’ 21 u 24 sena. Dawn huma relatati ma’ każ ieħor preċedenti. B’hekk issa hemm cluster ta’ tlieta. Dawn ukoll kienu ġejjin lura mill-Ingilterra.

Każ ieħor huwa dak ta’ mara ta’ 48 sena li kienet marret il-Marokk. Din kienet fl-istess tour ta’ każ ieħor li nstab li kien pożittiv wara li rritona mill-Marokk.

Il-Professur Charmaine Gauci kompliet tħeġġeġ biex jekk jista’ jkun il-pubbliku jibqa’ d-dar sabiex jitnaqqas il-kuntatt ma’ persuni li jistgħu jgħaddu dan il-virus lil xulxin.

Saqsejna lil Prof. Charmaine Gauci dwar kif wieħed għandu jarmi l-maskli u l-ingwanti. Hija tat ukoll struzzjonijiet dwar dan fejn qalet li l-iskart ta’ persuni pożittivi, għandu jinżamm għal tliet ijiem, imbagħad meta jgħaddu dawn it-tliet ijiem, għandhom ipoġġu l-iskart f’żewġ boroż. Hija appellat biex meta n-nies jilbsu l-ingwanti ma jinganawx lilhom infushom u xorta waħda jmissu wiċċhom, għax jekk jagħmlu dan, mela għalxejn ikunu qed jilbsu l-ingwanti.

“Kulħadd għandu jagħmel il-biċċa tiegħu u jibqa’ d-dar”

Is-Supritendent tas-Saħħa Pubblika qalet li l-ħaddiema li qed jiġbru l-iskart qed jingħataw ilbies protettiv kull darba, u kif ukoll ingħataw linji gwida ta’ kif f’dan il-perjodu għandhom jiġbru l-iskart.

Mistoqsija dwar iż-żewġ persuni li jinsabu fl-ITU, Prof. Gauci qalet li l-anzjan ta’ 72 sena għadu fi stat kritika. Intant, hemm raġel ieħor li qed jiġi mmonitorjat. Intant, żewġ persuni oħrajn ittellgħu lura fil-wards tal-IDU wara li ma baqgħux f’kundiżzjoni kritika.

Mistoqsija dwar il-kriterji ta’ fejn qed jitpoġġew il-pazjenti, Prof Gauci qalet li l-pazjenti qed jitqassmu fuq tliet kategoriji. Qalet li dan isir skont is-severità tal-kundizzjonijiet u kif ukoll skont is-sintomi li jkollhom.

Is-Supritendent tas-Saħħa Pubblika tenniet l-appell biex in-nies li jħossu s-sintomi jibqgħu d-dar u jċemplu fuq in-numru 111. Dan filwaqt li tenniet li minkejja li forsi qed ikollna ġranet sbieħ kulħadd għandu jagħmel il-biċċa tiegħu u jibqa’ d-dar.