Internazzjonali

Coronavirus: Tmut tifla ta’ 12-il sena fil-Belġju — bil-firxa tal-infezzjonijiet tkompli fost il-konsegwenzi

Tifla ta’ tnax-il sena fil-Belġju saret l-iżgħar vittma tal-coronavirus fl-Ewropa. L-awtoritajiet li tkellmu dwar il-każ qalu li dan il-każ rari bikkem lill-pajjiż iżda huma ma provdewx informazzjoni dwar jekk it-tifla setgħetx kienet qed tbati minn xi kundizzjoni medika.

Il-European Centre for Disease Prevention and Control (l-ECDC, li hi aġenzija tal-UE) anki rreġistra l-imwiet ta’ persuni bejn għaxra u d-dsatax-il sena mill-coronavirus fi Spanja, iżda anki hawnhekk, naqas milli tagħti dettalji.

Skont l-aħħar ċifri, kien hemm ‘il fuq minn 800,000 każ tal-Covid-19 fid-dinja, bi 38,000 jitilfu ħajjithom. Irkupraw mill-effetti tal-virus mal-170,000 fuq livell globali.

Intant, Spanja rreġistrat 849 mewta ‘ġdida’ – li hu l-akbar numru ta’ vittmi mill-coronavirus għal ġurnata waħda.

Il-mejtin mill-coronavirus fl-Ingilterra żdiedu b’29 fil-mija (393) għal 1,651 – bil-mejtin jinkludu żgħażugħ ta’ dsatax-il sena li ma kellu l-ebda problemi mediċi. L-Iskozja kkonfermat li mietu sittin bl-effetti tal-Covid-19, b’Wales tikkonferma 69 mewta oħra.

Id-deputati parlamentari fir-Russja approvaw leġislazzjoni li tintroduċi sentenza ta’ ħabs (għal massimu ta’ seba’ snin) għall-persuni li jisfidaw ir-regoli ta’ kwarantina. Dan meta l-każi tal-coronavirus fil-pajjiż għamlu qabża rekord għal 2,337 – l-għada li ‘il fuq minn għaxar reġjuni Russi kienu wissew lir-residenti biex jibqgħu d-dar. Il-belt kapitali ta’ Moska, intant, qed tkompli fi stat parzjali ta’ lockdown.

Filwaqt li l-Iżvezja ma użatx ‘il-mudell’ ta’ pajjiżi oħra biex tħares kontra l-coronavirus, l-affarijiet qegħdin jinbidlu f’dan il-pajjiż anki jekk għad mhemmx direttivi għal lockdown jew restrizzjonijiet riġidi.

Il-Gvern Żvediż issa qed jipprojbixxi formalment iż-żjarat fid-djar għall-anzjani minbarra l-laqgħat ‘għal aktar minn ħamsin ruħ’. L-Iżvezja għandha kważi 4,500 każ tal-coronavirus u 180 mewta relatata.