Coronavirus Internazzjonali Lokali Mużika

Il-Eurovision se jsir…b’mod differenti

Wara li aktar kmieni dan ix-xahar tħabbar li l-Eurovision Song Contest ġie kanċellat minħbba t-tixrid tal-COVID-19, issa ġie konfermat li din is-sena, dan se jsir b’mod differenti. Bl-isem ta’ “Eurovision: Europe Shine A Light”, is-serata finali se ssir online s-Sibt 16 ta’ Mejju.

Fis-serata finali se jkun hemm il-41 kanzunetta li se jieħdu sehem f’format mhux kompetittiv. Il-pubbliku se jkun qed jistenna wkoll ħafna sorpriżi. Is-serata se tkun ospitata mill-preżentaturi Olandiżi Chantal Janzen, Edsilia Rombley u Jan Smit.

Ix-xow se jlaqqa’ flimkien l-artisti tal-2020, mill-postijiet tagħhom madwar l-Ewropa fi prestazzjoni ta’ kanzunetti passati li ħadu sehem fil-Eurovision Song Contest. Dan se jsir flimkien ma’ unifikazzjoni ta’ lirika xierqa fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali li ninsabu fiha.

Artisti magħrufa li ħadu sehem fil-Eurovision Sont Contest fis-snin reċenti se jkunu mistiedna wkoll biex jipparteċipaw sabiex jgħaqqdu l-Ewropa kollha permezz ta’ kanzunetti familjari oħra mill-passat.

Din is-serata mistennija li ddum madwar sagħtejn. Aktar dettalji dwar il-line-up flimkien ma’ lista ta’ stazzjonijiet li se jkunu qed juru dan ix-xow se jiġu żvelati fil-ġimgħat li ġejjin.