Coronavirus Futbol Sport

Il-FIFA se toħloq fond ta’ għajnuna biex tgħin lill-kampjonati u l-klabbs l-aktar milquta

Il-President tal-FIFA Gianni Infantino

Il-FIFA tinsab fil-fażi li toħloq fond biex tassisti l-kompetizzjonijiet, il-klabbs u l-plejers li daħlu f’diffikultà finanzjarja minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Diversi klabbs qed iħossu l-effetti ta’ din il-fażi, b’diversi klabbs madwar l-Ewropa qed ikollhom jaqtgħu mis-salarji tagħhom. Fi Spanja, il-plejers ta’ Barcelona qablu li jaqgħu s-salarju tagħhom b’70% biex jgħinu lill-impjegati l-oħra fil-klabb. Fl-Italja, il-plejers ta’ Juventus qablu li jnaqqsu s-salarji fl-erba’ xhur li ġejjin filwaqt li fil-Ġermanja, l-erba’ klabbs li ħadu sehem fil-UEFA Champions League urew solidarjetà finanzjarja mal-kumplament tal-klabbs.

B’din il-miżura, l-assoċjazzjoni dinjija tal-futbol, se ddur fuqha stess biex tgħin lil dawk l-aktar affettwati. “Il-komunità tal-futbol madwar id-dinja qed tesperjenza problemi finanzjarji kbar minħabba t-tixrid tal-coronavirus.” “Dan jhedded l-abbiltà tal-assoċjazzjonijiet membri u organizzazzjonijiet oħra tal-futbol biex jorganizzaw il-kampjonati filwaqt li l-klabbs ma jistgħux jiżviluppaw u jmexxu l-attivitajiet tal-futbol fil-livelli kollha. Il-FIFA tinsab f’sitwazzjoni finanzjarja b’saħħitha u hu x-xogħol tagħna li nagħmlu li nistgħu biex ngħinuhom f’dan il-mument,” qal kelliem tal-FIFA.