Coronavirus Futbol Sport

Il-FIFPro tqis bħala prijorità li dan l-istaġun jitlesta

Il-FIFPro sostniet li t-tlestija ta’ dan l-istaġun trid tkun il-prijorità meta l-futbol ikun finalment lest biex ikompli wara l-pandemija tal-coronavirus. Il-futbol madwar id-dinja jinsab wieqaf b’eċċezzjoni ta’ ftit kampjonat, bil-Euro 2020 u l-Copa America jkunu posposti b’sena, hekk kif għadu mhux magħruf meta l-logħbiet jistgħu jerġgħu jintlagħbu.

Is-Segretarju Ġenerali tal-assoċjazzjoni dinjija tal-plejers Jonas Baer-Hoffmann qal li n-nuqqas li jitkompla dan l-istaġun mhix għażla f’dan il-mument. “Kulħadd fil-futbol se jitlef jekk jiġri hekk. Ma naħsibx li hu responsabbli li nagħmlu din il-konsiderazzjoni bħalissa. Jekk ikollna xi ċans li nispiċċaw l-istaġun, irridu nagħmlu hekk għaliex l-impatt fuq il-plejers u kulħadd ikun kbir.”

Baer-Hoffmann ta eżempju ta’ klabb fis-Serbja li ħallas is-salarji minn qabel sa Ġunju u żied li hemm oħrajn li jużaw din il-kriżi bħala skuża biex jitterminaw il-kuntratti kmieni, ikeċċu l-plejers jew jiddikjaraw li fallew biex ma jħallsux il-kontijiet tagħhom. Il-Ġermaniż faħħar id-deċiżjoni tal-plejers ta’ Juventus u Barcelona li qablu li jnaqqsu s-salarju iżda fl-istess ħin żied li dan l-eżempju ma għandux jintuża biex titpoġġa pressjoni fuq il-klabbs iż-żgħar.

Filwaqt li l-futbol waqaf kważi kullimkien, il-Belarus għadu jintlagħab, xi ħaġa li Baer-Hoffmann qal li hi diffiċli għalih biex jifhem. Hu kompla li kien f’kuntatt ma’ xi plejers li jinsabu mħassba għaliex is-sens komun jgħid li kellhom jiġu applikati l-istess miżuri ta’ prekawzjoni.