Atletika Sport

Illum l-40 anniversarju mill-mewt tal-erba’ darbiet rebbieħ Olimpiku Jesse Owens

Jesse Owens illum għalaq 40 sena mejjet, persuna li żgur se tibqa’ tissemma fil-kotba tal-istorja tal-atletika u l-Olimpjadi. Twieled fit-12 ta’ Settembru tal-1913 u għamel rekord dinji fil-long jump li dam 25 sena. Hu rebaħ erba’ midalji tad-deheb fl-Olimpjadi tal-1936 li saru f’Berlin. Dawn ir-rebħiet kellhom ukoll rabta politika hekk kif kienu daqqa ta’ ħarta għal Adolf Hitler fl-intenzjoni li juri s-saħħa tar-razza tiegħu.

Fl-1935 waqt li kien qed jikkompeti għall-Università ta’ Ohio, f’laqgħa tal-Western Conference fl-Università ta’ Michigan, Owens laħaq ir-rekord tad-dinja fil-91.44 metru b’ħin ta’ 9.4 sekondi. Hu kiser ir-rekord tad-dinja  fil-200 metru, 200 metru hurdles u fil-long jump b’qabża ta’ 8.13 metri.

Fl-Olimpjadi tal-1936, Owens sar leġġenda hekk kif rebaħ il-midalja tad-deheb fil-100 metru b’rekord Olimpiku ta’ 10.3 sekondi u fil-200 metru b’rekord dinji ta’ 20.7 sekonda. L-Amerikan spiċċa l-ewwel ukoll fil-long jump b’qabża ta’ 8.06 metri kif ukoll fil-4×100 metru relay. Fatt interessanti kien li l-mexxej Ġermaniż Adolf Hitler irrifjuta li jieħu b’idejn Owens minħabba li kien Afrikan-Amerikan.

Għal xi żmien, Jesse Owens kellu waħdu jew maqsuma ma’ xi ħadd, ir-rekords kollha sprint li huma rikonoxxuti mill-World Athletics. Fl-1976, hu rċieva l-Midalja Presidenzjali tal-Libertà u wara mewtu fl-1990, ġie mogħti l-midalja tad-deheb mill-Kungress Amerikan.