Coronavirus Lokali

“Irridu negħlbu l-partiġġjaniżmu u nuru solidarjetà lejn xulxin” – Lawrence Gonzi

“Ridna nuru lid-dinja li Malta u l-Maltin għandna valuri li lesti niġġieldu għalihom”, Lawrence Gonzi waqt intervista online.

“Kelna kriżi fil-passat, uħud kienu diffiċli ħafna imma dejjem ħriġna aktar b’saħħitna minn qatt qabel – Aħna pajjiż reżiljenti, poplu reżiljenti u nammira lil dawk li resqu ‘l quddiem biex jgħinu f’żmien daqstant diffiċli.”

Messaġġ ta’ kuraġġ mill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, fid-dawl tal-kriżi li jinsab fiha bħalissa pajjiżna. Dan għamlu filwaqt li rrigrazzja lil dawk kollha li bħalissa jinsabu fuq quddiem nett f’din il-ġlieda.

“Numru ta’ deċiżjonijiet iridu jittieħdu u nifhem li wħud minnhom huma diffiċli ħafna pero minkejja li dan hu mument diffiċli, nassigurakom li ser noħorġu minnu u f’xi ħin din il-kriżi se tispiċċa u ħajjitna tmur lura għan-normal. Nispera li min din l-esperjenza nitgħallmu u nkunu aktar preparati fil-futur.” kompla l-eks Prim Ministru.

Fil-karriera politka tiegħu, Lawrence Gonzi iffacja diversi mumenti ta’ krizi, fosthom fl-2008 meta madwar id-dinja iffacjajna riċessjoni… u fl-2011 meta l-Libja kienet għaddejja minn taqlib fi zmien ir-reġim ta’ Gaddafi.

Waqt intervesta li ta online, Lawrence Gonzi tkellem dwar ġurnata partikolari fi Frar tal-2011 meta nizlu żewġ ajruplani tal-militar Libjan, mgħobbijja b’munizzjoni.

Dawn kienu ajruplani li kienu mibgħuta minn Ghaddafi biex joqtlu bil-bombi liċ-ċittadini tal-Libja, iżda l-piloti għażlu li mingħajr permess jiġu Malta.

U dak iz-zmien, il-Prim Ministru Malti ried jieħu deċiżjonijiet f’waqthom, dwar il-bdoti u dwar l-ajruplani.

Lawrence Gonzi saħaq “dak iż-żmien ridna nieħdu d-deċiżjoni t-tajba u ħadniha billi ħarisna lejn il-valuri li aħna nemmnu fihom. Il-persuni, il-ħajja jigu l-ewwel u qabel kollox.”

“Ridna nuru lid-dinja li Malta u l-Maltin għandna valuri li lesti niġġieldu għalihom”, kompla Lawrence Gonzi.

Din il-kwistjoni fl-2011 u r-riċessjoni fl-2008 laqtu lid-dinja kollha b’mod ħażin għal tul ta’ xhur iżda Malta bqajna fuq saqajna u malajr ħriġna mill-kriżi li ġabu magħhom dawn iż-żminijiet, grazzi għal deċiżjonijiet li ħa Lawrence Gonzi fit-tmexxija tal-pajjiż.

Fl-intervista, Lawrence Gonzi semma numru ta’ punti li jistgħu jgħinu biex noħorġu mill-kriżi tal-Coronavirus, fosthom il-bilanċ, il-konsultazzjoni, il-prijorità u l-abbiltà li titieħed deċiżjoni fl-inqas ħin possibbli.

Finalment, Lawrence Gonzi ħeġġeġ lill-Gvern biex vermanet jaħseb fiċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, dawk l-iktar fil-bżonn, f’dan iż-żmien meta jkun qed iħejji pakketti finanzjarji.

Fl-aħħarnett l-eks Prim Ministru saħaq li dan hu mument fejn irridu ngħelbu l-partiġġjaniżmu, nuru solidarjetà u responsabiltà lejn xulxin filwaqt li nsegwu dak li qed jgħidulna l-awtoritajiet tas-saħħa.