Lokali

Jorħos il-gass…imma l-mertu mhux tal-Gvern – PN

Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon it-traħħis fil-prezzijiet taċ-ċilindri tal-gass li tħabbar illum, madankollu jidher li, b’differenza minn dak li ddikjara l-gvern, dan it-traħħis mhux frott ta’ xi hidma sfiqa min-naħa tal-Gvern. II-prezz tal-gass f’Malta huwa rregolat skond il-prezz li jixtru bih iż-żewġ impurtaturi privati. Grazzi għall-ħidma ta’ dawn, u għall-prezz internazzjonali tal-gass u ż-żejt li nieżel, li kien possibbli li jorħos ċ-ċilindru tal-gass. Dan ifisser li l-Gvern Laburista qiegħed jiftaħar b’rix ħaddiehor u jipprova jieħu l-mertu hu. Fejn jidħlu prezzijiet ta’ fuels oħra bħal petrol u diesel, kif ukoll fil-prezz tal-elettriku, fejn l-gvern seta’ jkollu iktar kontroll f’idejh, ma rajna xejn.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Enerġija u Immaniġġjar tal-Ilma David Agius, il-Partit Nazzjonasita saħaq li dan kollu juri li l-gvern għandu idejh marbutin minħabba kuntratti korrotti u bejgħ tal-assi tiegħu lil kumpaniji privati u barranin b’kundizzjonijiet, li jivvantaġġjaw l-privat u mhux ċ-ċittadin u li tawhom il-poteri monopolisti kollha biex jiddeċiedu huma l-prezzijiet li jħallsu l-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin għad-dawl, l-ilma, u l-fuels, mingħajr ebda saħħa f’idejn ir-regolatur. Dan ikkonfermah saħansitra l-Ministru għall-Finanzi stess meta f’intervista mat-Times of Malta, il-Prof. Scicluna ammetta li d-deċiżjoni tar-roħs fil-kontijiet tad-dawl tinsab f’idejn iċ-Ċiniżi li xtraw parti mill-Enemalta.

Madanakollu, il-Partit Nazzjonalista xorta waħda għadu qed jappella lill-gvern biex mingħajr aktar dewmien, jagħti s-sehem tiegħu biex jitraħħas id-dawl u l-ilma b’mod ġust u li jkun jirrifletti bis-sħiħ il-prezzijiet internazzjonali tal-gass u taż-żejt. L-appell tar-roħs fil-kontijiet kien għamlu l-Partit Laburista fl-eqqel tal-kriżijiet tal-2010, meta l-prezz internazzjonali taż-żejt kien $140 il-barmil, u allura hu ferm aktar ġust u xieraq li l-Partit Nazzjonalista jappella lill-gvern biex iraħħas il-kontijiet tad-dawl meta l-prezz taż-żejt illum niżel għal prezzijiet li kienu normali fis-sittinijiet (vicin l-$20).

Il-Partit Nazzjonalista jidhirlu li din id-differenza enormi fil-prezzijiet internazzjoni għandu jgawdiha l-poplu Malti u Għawdxi u għalhekk ghandhom jorħsu l-kontijiet. Il-gvern irid jagħraf li dan l-appell tar-roħs mhux qed tagħmlu biss l-Oppożizzjoni, iżda qed jagħmluh ukoll l-imsieħba soċjali, NGOs u n-nies. Wara kollox d-dawl u l-fuels raħsu fil-pajjizi kollha Ewropej bejn Jannar u Frar, b’medja ta 10c l-litru.

Il-korruzzjoni u l-inkompetenza għandhom prezz u l-poplu Malti qed iħallas qares għalihom. Jekk il-gvern iddeċieda li jagħmel kuntratti skandalużi − kif ikkonferma l-Awditur Ġenerali stess − mhux ġust li f’dawn iż-żminijiet tant iebsin għal kulħadd, il-poplu jkollu jagħmel tajjeb għalihom hu.