Internazzjonali

L-Unjoni Ewropea twissi lill-Ungerija biex ma tisfidax id-demokrazija bl-iskuża tal-liġijiet għal kontra l-coronavirus

L-Eżekuttiv tal-Unjoni Ewropea wissiet lill-Ungerija li l-miżuri ta’ emerġenza li qegħdin jaddottaw il-Gvernijiet biex jiġġieldu lill-kriżi tal-coronavirus ma jridux jisfidaw jew inaqqsu mill-kriterji stabbiliti għall-ħarsien tad-demokrazija.

Il-Parlament Ungeriż, fil-bidu tal-ġimgħa, ikkonferma mandat speċjali għall-Prim Ministru Viktor Orban biex imexxi pajjiżu permezz ta’ digriet eżekuttiv. Dan waqt li l-pajjiż qed jimponi termini ta’ ħabs għall-persuni li jistgħu jtellfu lill-miżuri għat-trażżin tal-Covid-19 inkella li jistgħu jiċċirkolaw informazzjoni falza relatata mal-pandemija.

L-Unjoni Ewropea tinsab imħassba bl-aħħar żviluppi, bil-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, issostni l-importanza li l-miżuri ta’ emerġenza ma jissuperawx ir-rispett għall-prinċipji u valuri fundamentali tal-Ewropej. Hi ħeġġet biex il-Gvernijiet Ewropej jaċċertaw li l-miżuri ta’ emerġenza li jittieħdu jibqgħu suġġetti għal skrutinju regolari u jżommu biss ‘ma dak li hu neċessarju’.

Il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tanalizza u ssegwi mill-qrib l-implimentazzjoni tal-liġijiet ġodda fl-Ungerija – li hi akkużata dwar ‘tnaqqis fil-livelli tad-demokrazija’. L-Istat inkwistjoni qed jimponi kontroll akbar fuq il-media, l-akkademiċi u l-gruppi favur id-drittijiet tal-bniedem.

Intant, il-Gvern tal-Polonja – membru ieħor tal-UE u pajjiż ewro-xettiku bħall-Ungerija – qed jillimita l-movimenti tan-nies flimkien mal-attività ekonomika, permezz ta’ digrieti eżekuttivi. Dan meta l-pajjiż, skont l-esperti, messu ddikjara ‘stat legali ta’ diżastru naturali’ b’kaġun tal-coronavirus u meta l-Polonja mhix lesta li tagħmel dan.

L-Ungerija u daqstant ieħor il-Polonja – it-tnejn eks Stati komunisti tal-lvant – għandhom tradizzjoni bħala pajjiżi li kemm-il darba jidħlu fit-tilwim mal-Unjoni Ewropea. Dan waqt li l-UE qed takkuża liż-żewġ pajjiżi, fost oħrajn, rigward ‘miżuri kontinwi li jnaqqru mill-prinċipji demokratiċi’.