Sport Sport Ieħor

Mhix l-ewwel darba li r-Regatta tal-31 ta’ Marzu ma saritx … ħarsa lejn uħud mill-edizzjonijiet li spikkaw

Tmiem it-tiġrija Tal-Midalji mirbuħa minn Bormla fl-1991

Normalment illum tkun ġurnata li l-Port il-Kbir ikun dedikat għar-Regatta tal-31 ta’ Marzu iżda minħabba l-pandemija tal-coronavirus, l-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor kellha tieħu d-deċiżjoni kontra qalbha li tħassar din l-edizzjoni.

L-ewwel edizzjoni tmur lura għas-sena 1979 filwaqt li l-Aggregate Shield ġiet introdottafl-1985. Madankollu fl-aħħar 41 sena, din mhux l-ewwel darba li r-Regatta f’Marzu ma saritx, hekk kif kienet assenti wkoll fl-1980 u fl-1988. F’żewġ okkażjonijiet oħra, jiġifieri fl-1989 u fl-2001, ir-Regatta ġiet abbandunata. F’ħames edizzjonijiet oħra, ma kienx hemm rebbieħ wieħed iżda żewġ distretti kisbu l-istess punti biex żammew ix-Shield sitt xhur kull wieħed.

Marsamxett rebħu l-ewwel edizzjoni fl-1979 u wara n-nuqqas tas-sena ta’ wara, Bormla rebħu l-edizzjoni tal-1981, l-1982 u l-1983. Id-distrett tal-Birgu rebaħ iż-żewġ edizzjonijiet ta’ wara, b’tal-aħħar tkun l-ewwel darba li fiha ngħatat l-Aggregate Shield. Minħabba li l-edizzjoni ta’ din is-sena mhux se ssir, se tingħata ħarsa lejn uħud mill-edizzjonijiet tal-passat li għal xi raġuni jew oħra jibqgħu jissemmew.

1985 – Il-Birgu l-ewwel rebbieħa tal-Aggregate Shield

Il-Birgu rebħu r-Regatta f’Marzu għat-tieni sena konsekuttiva iżda kienu l-ewwel distrett li ngħata l-Aggregate Shield li ġiet introdotta proprju fl-1985. Dan kien l-aktar perjodu importanti fl-istorja tal-klabb għaliex minbarra li kienu rebħu f’Marzu tal-1984, kienu rebħu wkoll f’Settembru, l-unika Regatta ta’ Jum il-Vitorja mirbuħa sa issa. Il-Ġirbin rebħu erba’ mill-ħames tlielaq u spiċċaw Tal-Midalji t-tieni. B’kollox kien hemm sitt tiġrijiet fil-programm hekk kif saret tiġrija oħra mingħajr punti għaż-żgħażagħ ta’ taħt it-18-il sena, tiġrija li wkoll intrebħet mill-Birgu.

Il-ħarġa tal-lum ta’ In-Nazzjon

1989 – Ir-Regatta tispiċċa abbandunata

Ir-Regatta ġiet abbandunata għall-ewwel darba fl-1989 wara tliet tiġrijiet. Dan minħabba inċidenti li seħħet fix-Xatt tal-Birgu fejn anki kellhom jintervjenu l-Pulizija tal-SAG. Kawża ta’ hekk, l-organizzaturi ħassru r-Regatta. Sa dak il-ħin, Bormla kienu fuq quddiem b’34 punt, tnejn aktar mill-Isla. Il-Birgu kienu t-tielet bi 22 punt segwiti mill-Kalkara bi 12-il punt. Id-distretti tal-Marsa u Marsamxett ma kinux għadhom ħadu punti. Bormla rebħet it-tiġrija Tal-Midalji, il-Kalkara rebħet Tal-Frejgatini filwaqt li t-tiġrija tad-Dgħajjes tal-Padd b’żewġ imqadef intrebħet mill-Isla f’taqtigħa missielta mal-Birgu u Bormla.

1991 – Bormla jirbħu r-Regatta missielta

Din l-edizzjoni tar-Regatta kienet waħda mill-aktar missielta hekk kif erba’ mill-ħames distretti parteċipanti, kienu kollha għadhom b’ċans li jirbħu x-Shield qabel l-aħħar tiġrija. Qabel l-aħħar tiġrija, Marsa kellhom 34 punt, segwiti minn Bormla bi 32 punt, Marsamxett bi 30 punt u l-Isla bi 28 punt. Marsamxett issorprendew meta rebħu t-tiġrijiet tal-Frejgatini u tal-Kajjiki, Bormla rebħet it-tiġrijiet Tal-Midalji u tad-Dgħajjes B b’erbat imqadef filwaqt li l-Marsa rebħet tad-Dgħajjes tal-Pass b’żewġ imqadef. Fil-klassifika finali, Bormla spiċċaw b’56 punt, l-Isla spiċċat it-tieni b’44 punt, il-Marsa temmet it-tielet bi 42 punt, Marsamxett spiċċat ir-raba’ bi 30 punt filwaqt li l-Kalkara ma kisbet l-ebda punt.

(Ritratt: l-orizzont)

1992 – L-ewwel edizzjoni li kien hemm żewġ rebbieħa

Għall-ewwel darba fl-istorja tar-Regatta f’Marzu, ix-Shield intrebħet minn żewġ distretti li kienu l-Birgu u l-Marsa. Huma spiċċaw it-tnejn b’40 punt, bid-distrett tal-Birgu jibda jżomm ix-Shield l-ewwel minħabba li rebaħ żewġ tiġrijiet filwaqt li l-Marsa ma rebħux palju wieħed. F’din l-edizzjoni kienu ħadu sehem għall-ewwel darba d-distrett ta’ Għawdex filwaqt li rritornaw Bormla wara li ma kinux ħadu sehem f’Settembru ta’ qabel. Ir-riħ ħalla l-effett tiegħu u dawk li kienu fuq in-naħa tal-Isla dejjem gawdew.

It-tiġrija tal-Midalji ntrebħet mill-Isla, il-Birgu rebħu Tal-Frejgatini u l-Kajjiki, Bormla rebħet id-Dgħajjes tal-Pass b’żewġ imqadef filwaqt li Marsamxett rebħet id-Dgħajjes tal-Pass b’erbat imqadef. Il-programm inkluda wkoll żewġ tiġrijiet li ma kinux jgħoddu għall-punti. Bormla rebħu t-tiġrija Tal-Midalji ta’ taħt il-21 sena kif ukoll tad-Dgħajjes B ta’ b’erbat imqadef ta’ taħt il-25 sena.

1993 – L-ewwel suċċess tal-Isla

Id-distrett tal-Isla rebaħ ir-Regatta tal-31 ta’ Marzu għall-ewwel darba fl-1993. F’dak il-perjodu, l-Isla kienu għaddejjin minn perjodu tajjeb hekk kif kienu rebħu r-Regatta ta’ Jum il-Vitorja fl-1991 u l-1992 filwaqt li rebħu wkoll l-edizzjoni ta’ dik is-sena. Fl-edizzjoni tal-1993, l-Isla rebħet it-tiġrijiet Tal-Midalji u ta’ Bi Tnejn, spiċċat it-tieni fit-tiġrijiet tal-Frejgatini u Tal-Kajjiki filwaqt li temmet it-tielet fit-tiġrijia ta’ b’Erbgħa. Huma spiċċaw b’64 punt, segwiti minn Bormla bi 48 punt, il-Marsa b’40 punt, Marsamxett b’16-il punt u l-Kalkara b’4 punti.

(Ritratt: In-Nazzjon)

1994 – Ir-Regatta li saret fl-24 ta’ April

Ir-Regatta ta’ 26 sena ilu kienet pjuttost partikolari għaliex saret fl-24 ta’ April wara li r-Regatta kienet posposta wkoll milli ssir fl-10 ta’ April minħabba r-riħ u l-baħar qalil. L-Isla ħarġu rebbieħa għat-tieni sena konsekuttiva b’total ta’ 64 punt, segwiti mill-Marsa b’44 punt, Bormla b’40 punt, Marsamxett b’16-il punt u l-Birgu bi 8 punti. Għalkemm dejjem spiċċaw mal-ewwel tlieta, huma rebħu biss palju wieħed wara li rebħu t-tiġrija tal-Midalji. Għall-ewwel darba, saret kompetizzjoni ta’ taħt il-21 sena li ntrebħet mill-Birgu. Huma spiċċaw l-ewwel fit-tiġrijiet Tal-Kajjikki u d-Dgħajjes B b’żewġ imqadef filwaqt li Bormla rebħet Tal-Midalji.

2001 – Inċident traġiku jabbanduna r-Regatta

Ir-Regatta f’Marzu kienet abbandunata għat-tieni darba fl-2001 minħabba inċident li kien seħħ ħdejn il-klabb tar-Regatta ta’ Bormla. L-inċident seħħ fi tmiem it-tiġrija tal-Midalji, bil-Kumitat Festi Nazzjonali, l-Għaqda Regatta u d-delegati tad-distretti qablu unanimament li jissospendu r-Regatta. Sa dak il-ħin, l-Isla kienu fuq quddiem b’24 punt segwiti mill-Marsa b’20 punt. Il-Marsa kienu rebħu t-tiġrija tal-Midalji segwiti mill-Isla u Marsamxett filwaqt li l-Isla rebħu Tal-Frejgatini qabel Bormla u l-Kalkara. Fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena laħqu saru tliet tiġrijiet. Marsamxett rebħu d-Dgħajjes Ċ tal-Pass b’żewġ imqadef, l-Isla rebħu Tal-Kajjiki u l-Marsa rebħu Tal-Midalji. Sa dak il-ħin, il-Marsa u Marsamxett kienu jinsabu t-tnejn bi 32 punt.

(Ritratt: l-orizzont)

2004 – Marsamxett u Bormla jaqsmu x-Shield

Fl-edizzjoni tal-2004, Marsamxett rebħu x-Shield għall-ewwel darba iżda kellhom jaqsmu l-unur ma’ Bormla wara li spiċċaw b’punti ndaqs fil-klassifika. Dakinhar kien riħ qawwi li ħalla effett fuq l-andament tat-tiġrijiet. L-isbaħ tiġrijiet fil-Kategorija Open kienu tad-Dgħajjes Ċ tal-Pass b’żewġ imqadef, il-Frejgatina u l-aħħar tiġrija tad-Dgħajjes B tal-Pass b’erbat imqadef. Bormla rebħu l-ewwel żewġ dwelli, b’Marsamxett jirbħu l-aħħar tiġrija. L-Isla rebħet il-kategorija ta’ taħt it-23 sena. Fil-klassifika finali, Bormla u Marsamxett spiċċaw bi 68 punt, segwiti mill-Birgu bi 32 punt u l-Kalkara b’4 punti. Ix-Shield inżammet minn Bormla għall-ewwel sitt xhur minħabba li rebħu aktar paljijiet minn Marsamxett.

Il-Marsa rebħu r-Regatta tal-31 ta’ Marzu fl-2014

Ir-rebbieħa kollha

1979  Marsamxett, 1980  /, 1981  Bormla, 1982  Bormla, 1983  Bormla, 1984  Birgu, 1985  Birgu, 1986  Birgu, 1987  Bormla, 1988  /, 1989  Abbandunata, 1990  Bormla, 1991  Bormla, 1992  Birgu/Marsa, 1993  Isla, 1994  Isla, 1995  Marsa, 1996  Isla, 1997  Isla, 1998  Marsa, 1999  Marsa, 2000  Isla, 2001  Abbandunata, 2002  Isla, 2003  Marsa, 2004  Bormla/Marsamxett, 2005  Marsa, 2006  Marsamxett, 2007  Marsa/Bormla, 2008  Bormla, 2009  Isla/Marsa, 2010  Isla, 2011  Isla, 2012  Marsa/Isla, 2013  Marsa, 2014  Marsa, 2015  Birżebbuġa, 2016  Bormla, 2017  Bormla, 2018  Birżebbuġa, 2019  Bormla, 2020  /

*L-Aggregate Shield ġiet preżentata l-ewwel darba fl-1985

** Ir-Regatta ma saritx fl-1980, l-1988 u din is-sena

*** Ir-Regatta ġiet abbandunata fl-1989 u l-2001

Id-distretti li rebħuha: Bormla 12-il darba, Marsa 11-il darba, Isla 10 darbiet, Birgu 4 darbiet, , Marsamxett 3 darbiet, Birżebbuġa darbtejn