Coronavirus Lokali

Niġġieldu din il-ġlieda flimkien biex nerġgħu niksbu l-ħelsien tagħna bħala poplu wieħed

L-istorja ta’ pajjiżna hija dik ta’ gżira ċkejkna bi ftit riżorsi imma hija wkoll storja ta’ poplu li mal-medda taż-żmien kellu l-abbiltà li jaffaċċja sfidi kbar. Għexna assedji fuq pajjiżna minn qawwiet militari li kienu ġganti, imma kellna l-abbiltà illi meta konna taħt assedju ningħaqdu bħala poplu. Hija rakkont ta’ gwerer li għaddejna minnhom illi kontra għedewwa ikbar minnha rnexxilna anka billi bqajna mċaħħdin minn ħafna, qadna magħluqin għal ħafna zmien imma irnexxilna nirbħu bħala poplu wieħed.

Sosnta dan il-Kap tal-Patit Nazzjonalista Adrian Delia f’messaġġ lill-poplu Malti.

Illum qed jinkiteb kapitlu ieħor ta’nazzjon qalbieni. Għandna quddiemna sfida ġdida, għandna gwerra, battalja kontra għadu li din id-darba ma jidhirx, huwa inviżibbli u allura iżjed perikoluż u l-isfida tagħna llum hi li għal darb’oħra li nsibu s-saħħa li għandna bħala poplu, ir-reżiljenza li niġġieldu meta jkollna l-ikbar għawġ. Il-kapaċità, l-perseveranza li nissaportu li niċċaħdu minn ħafna, illi nħallu ftit dawk li huma l-libertajiet tagħna f’ħajja normali u nifhmu li din il-ġlieda hemm bżonn li nkunu flimkien biex nirbħuha. Iva hija ġlieda għal darb’oħra għall-ħelsien, hija ġlieda għal darb’oħra għal-libertà, imma rridu nifhmu li jekk niċċaħdu ftit issa, jekk insofru u nagħmlu s-sagrifiċċji ftit issa se nkunu kapaċi nirbħu din il-ġlieda flimkien.

Jiena nemmen fil-poplu Malti, jiena għandi kuraġġ u nagħmlilkom il-kuraġġ illi nistgħu nirbħu u se nirbħu din il-gwerra flimkien. Ejja nifhmu li m’hemmx kuluri, m’hemmx distinzjonijiet, irid ikollna l-abbiltà li min għandu ħafna jgħin lil min għandu ftit jew m’għandu xejn. Irid ikollna l-abbiltà li nġibu l-interess nazzjonali l-ewwel u qabel kollox, imma l-iktar ħaġa importanti li nagħmlu din il-ġlieda flimkien. Huwa mument fejn irridu ngħallmu lit-tfal tagħna dak li huwa importanti u nibqgħu nedukawhom għax anke fil-gwerra l-edukazzjoni trid tibqa’ tingħata. Irridu nagħtu l-komfort lill-anzjani tagħna ġewwa djarhom illi aħna magħhom fl-ispirtu u wkoll b’mod teknoloġiku meta fiżikament mhux qed niltaqgħu magħhom. Irridu nagħmlu l-kuraġġ lill-ħaddiema tagħna illi se nkunu magħhom f’kull mument, in-negozji tagħna li se nibqgħu nsostnuhom, imma l-iktar importanti rridu nħarsu lejn xulxin bħala aħwa Maltin u Għawdxin.

Irridu nsibu l-kuraġġ, irridu nsibu ġewwa qalbna u ġewwa ruħna dak li verament jagħmilna Maltin u Għawdxin. Ejja niġġieldu din il-ġlieda flimkien, ejja nerġgħu nirbhu l-ħelsien tagħna flimkien bħala poplu wieħed, magħqudin.