Lokali

“Sirna nafu minn fuq Facebook”

“Ma sar l-ebda kuntatt magħna”, “sirna nafu għax rajna fuq Facebook”, “ma konniex infurmati”, “ma rċevejna xejn”.

Dawn kienu l-kummenti ta’ ħafna li din il-ġimgħa sebħu mingħajr notifika, li l-oqbra tal-gvern fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata, fejn kienu midfuna qrabathom, infetħu mingħajr ma infurmaw lill-familjari b’dak li kien se jiġri.

Persuni li tkellmu magħna qalulna li l-fdalijiet tal-qraba tagħhom issa tħalltu u mhux traċċabbli, dan ifisser li kien hemm uħud li kienu diġà kważi xtraw il-qabar, iżda issa se jkollhom qabar mingħajr il-fdalijiet tal-maħbubin tagħhom.

In-nies li tkellmu ma’ Net News qalulna li minn tal-anqas 300 katavru issa tħalltu, u mhumiex traċċabbli.

Oħrajn li tkellmu magħna qalulna li jħossuhom iddispjaċuti ferm b’dak kollu li ġara għaliex dawn l-affarjiet ġraw mingħajr ma rċevew l-ebda notifika. Huma stqarrew magħna li dawn l-affarjiet iqanqlu numru ta’ sentimenti u emozzjonijiet għax wara kollox hemm involut persuna li huma kienu u għadhom iħobbu.

L-istess persuni qalulna li din il-kwistjoni tat-tindif issoltu ma ssirx b’dan il-mod, iżda qabel jaqilgħu l-oqbra, il-familjari u l-qraba, li ta’ kull sena jkunu jħallsu biex jagħmlu użu mill-qabar, ikunu infurmati meta se tkun se ssir biċċa xogħol bħal din.

Sal-lum il-ġurnata, l-istess qraba għadhom għadhom ma rċevew l-ebda ittra jew notifika li l-qabar fejn kien hemm midfuna l-maħbubin tagħhom kienu se jinqalghu.