Ambjent

Wied Għomor għandu jibqa’ protett – PN

Ma jistax ikun li f'pajjiżna nibqgħu neqirdu r-raba' u kull spazju naturali li baqalna - PN

Wied Għomor huwa wied magħmul minn ħbula ta’ raba li kollha għandhom il-potenzjal tagħhom għall-fini ta’ agrikultura.

Permezz ta’ stqarrija ffirmata minn Edwin Vassallo il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Self Employed, in-Negozji ż-Żgħar, l-Koperattivi, l-Biedja u s-Sajd u Jason Azzopardi il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, l-Affarijiet Marittimi u l-Green Initiatives, il-Partit Nazzjonalista saħaq li jemmen li pajjiżna għandu bżonn l-ispazju naturali tiegħu.

Aktar ma tinqered raba aktar se tinqered in-natura.

Sena ilu, l-Oppożizzjoni permezz tal-Kelliem għall-Ambjent kienet ipproponiet li Wied Għomor jiġi ddikjarat bħala demanju pubbliku (public domain). Dakinhar il-Kunsill Lokali u l-NGOs kienu qablu mal-proposta tal-Oppożizzjoni iżda l-Gvern baqa’ sieket; wieħed jistaqsi għaliex?, kompliet tgħid l-istqarrija.

Pajjiżna jrid jibda jagħżel il-prioritajiet tiegħu b’mod għaqli u differenti jekk irridu nħallu pajjiż li fih l-ispazju fejn nazzjon jista’ jgħix u mhux biss jeżisti.

L-istqarrija kompliet li “Ma nistgħux nibqgħu nikkundannaw aktar raba għall-qerda.” Dan meta l-valur tal-ħajja jiswa aktar mill-valur tal-blat u tal-bini.

Wied Għomor u l-226 tomna ta’ raba fil-limiti tal-Magħtab ma jistgħux jinqerdu għax xi ħadd jiddeċiedi li dawn l-ispazji jġibu aktar flus jekk ibiegħ il-blat u jinbena.

Fejn se jinqered issa huwa l-aħħar ftit spazju naturali li baqa’ f’pajjiżna u l-għaqal jitlob li nippjanaw il-ġejjieni u t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna b’modi differenti milli għamilna s’issa. Ir-raba’ li baqgħalna u l-widien tagħna huma issa l-valur miżjud li rridu nindokraw jekk tassew irridu li f’pajjiżna l-bini kollu li nbena jibqa’ jkollu valur, temmet l-istqarrija.