Futbol Sport

30 SENA ILU: L-ewwel telfa u inċidenti f’Ta’ Qali jtappnu l-festi Beltin fir-rebħ tat-13-il kampjonat

(Ritratt: In-Nazzjon)

1 TA’ APRIL 1990

Il-kampjonat tal-istaġun 1989/90 żgur li jibqa’ mfakkar għal raġunijiet negattivi fit-tmiem tiegħu. Valletta rebħu t-13-il kampjonat fl-istorja, kampjonat li kien l-ewwel wieħed taħt it-tmexxija tal-President Joe Caruana Curran. Iżda x-xeni ta’ dakinhar tellfet il-gost ta’ dawk il-ħafna partitarji Beltin ubbidjenti li telgħu biex jaraw lit-tim tagħhom jirritorna għar-rebħ tal-kampjonat wara nuqqas ta’ sitt staġuni.

Il-Beltin kienu aċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat qabel l-aħħar logħba u din il-logħba inzertat kontra r-rivali kbar ta’ dak iż-żmien Ħamrun Spartans. Il-Pulizija kienet preżenti u kif fl-Istadium Nazzjonali bi preżenza tal-SAG, Pulizija fuq iż-żwiemel u bil-klieb, fire-engines kif ukoll uffiċjali għolja tal-Korp tal-Pulizija. Minkejja dawn il-preparamenti kollha, il-Pulizija xorta ma kinitx kapaċi li żżomm l-ordni. Dan hekk kif mal-gowl mill-isbaħ ta’ Raymond Vella “il-Mundu”, numru ta’ partitarji ta’ Valletta qabżu fil-grawnd bil-konsegwenza li r-referee waqqaf il-logħba.

(Ritratt: L-orizzont)

Ħamrun fetħu l-iskor wara 20 minuta bi kross preċiż ta’ Stefan Sultana li nifed id-difiża Beltija, b’LEO REFALO ma jagħtix ċans lil Reggie Cini b’daqqa ta’ ras stupenda. Valletta kienu ġabu d-draw fis-67 minuta meta Joe Zarb seraq ballun mingħand Alex Azzopardi u qassam lejn Jesmond Zerafa li twaqqa’ mill-gowlkiper Ian Leigh, bir-referee Edgar Azzopardi jordna penalty. Inkariga ruħu JOE ZARB li għeleb lil Leigh. Mal-gowl inqalgħu xi inċidenti li iżda ġew ikkontrollati mill-Pulizija.

(Ritratt: In-Nazzjon)

Il-gowl tar-rebħa għal Ħamrun wasal fit-88 minuta. Reggie Cini u Kris Laferla biegħdu parzjalment il-korner ta’ Michael Degiorgio, bil-ballun jispiċċa għand RAYMOND VELLA li b’xutt stupend għeleb għal kollox lil Cini. Kien hawn li nqalgħu l-inċidenti bla bżonn li wasslu biex il-logħba għamlet 20 minuta wieqfa. Iż-żewġ settijiet ta’ plejers urew spirtu sportiv u ma kkawżaw l-ebda inċident bejniethom.

(Ritratt: In-Nazzjon)

Wara li b’xi mod il-Pulizija rnexxielha tikkalma, l-inkwiet kompla malli r-referee saffar tmiem il-partita li fissret li Valletta kienu megħluba mir-rivali fl-aħħar logħba u tilfu ċ-ċans li jirbħu l-kampjonat mingħajr telfa. Grupp ta’ partitarji ta’ Valletta kissru kompletament ir-rixtellu li jifred il-grawnd minn mal-ispettaturi u sar aktar faċli għal min ried jinvadi l-grawnd. Il-Pulizija tal-SAG ma setgħu jagħmlu xejn għal dan l-aġir.

(Ritratt: In-Nazzjon)

L-uffiċjali tal-logħba u l-plejers ta’ Ħamrun Spartans ġrew għal ġewwa lejn id-dressing room, bis-sitwazzjoni tmur tiggrava minħabba li l-Pulizija permezz tal-SAG irritaljat bil-lembubi. Waqt dawn il-mumenti, il-partitarji Ħamruniżi rritaljaw ukoll wara li ntefgħu fliexken, ġebel u oġġetti iebsin. Il-preżentazzjoni tat-Tazza tal-Kampjonat saret ta’ malajr bil-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien George Abela jagħti t-trofew lill-captain Kris Laferla. Minkejja dawn l-inċidenti, il-maġġoranza tal-partitarji Beltin xorta ferħu bl-istil tagħhom.