Coronavirus Sport Sport Ieħor

Bernal jaħseb li t-Tour de France għandu jkun pospost

(Ritratt: EPA)

Ir-rebbieħ tas-sena l-oħra tat-Tour de France Egan Bernal jemmen li tkun l-aħjar għażla jekk it-Tour de France jkun pospost. Fl-aħħar jiem kien hemm spekulazzjoni li t-Tour ta’ bejn id-29 ta’ Ġunju u d-19 ta’ Lulju, jista’ jsir iżda mingħajr spettaturi kawża tal-coronavirus.

Iżda ċ-ċiklist ta’ Team Ineos jemmen li t-Tour għandu jkun pospost biex iċ-ċiklisti kollha jkunu preparati kif suppost. “Din il-waqfa sfurzata qed taffettwa lilna kollha, anki jekk it-Tour de France jsir f’Lulju għaliex xi sfidant jaf ma jkunx fl-aħjar forma minħabba li l-preparazzjoni tkun differenti.”

Bernal kien qed jitkellem waqt sessjoni diretta organizzata mill-Federazzjoni taċ-Ċikliżmu. Hu qal li għaċ-ċikliżmu tkun veru serja kieku t-tliet Tours il-kbar ma jsirux u sostna li kollox jiddependi kif din il-problema tal-coronavirus tevolvi. Il-Kolombjan kompla li d-dinja trid tibqa’ għaddejja u żied li għal ġid taċ-ċikliżmu, l-isponsors u dawk affettwati mill-kwarantina jittama li jsiru.

Egan Bernal ilu ma jikkompeti mis-16 ta’ Frar u qal li bħalissa qed jieħu waqfa kompletament miċ-ċikliżmu. Il-Kolombja bħalissa tinsab f’lockdown li tiskadi fit-13 ta’ April u ftiehem mal-kowċ tiegħu li l-aħjar ħaġa għalih bħalissa hi li jistrieħ kompletament.