Lokali Mużika

Christina Magrin b’single ġdida

Christina Magrin nediet single ġdida bl-isem ta’ ‘Dance Away Our Fears’.

It-titlu, adattat ħafna għaż-żminijiet ta’ tensjoni li għaddejjin minnhom bħalissa, huwa tal-kanzunetta li hija riżultat ta’ kollaborazzjoni ta’ professjonisti internazzjonali: Aidan OC, Sara Biglert, Christian Schneider u Cyprian Cassar.

Christina hija kantanta stabbilita fix-xena lokali. Hija kienet irrappreżentat lil Malta fil Junior Eurovision Song Contest fl-2016 u kisbet bosta unuri ankè barra minn xtutna. Din hija l-ħames single tal-kantanta żagħżuha, li hija wkoll kompożitriċi hi stess.

Il-vidjo ta’ Dance Away Our Fears gie ffilmjat gewwa Lake Bled fis-Slovenja bil-kollaborazzjoni ta’ Bled TV u l-Kunsill Turistiku u ġie editjat lokalment minn Matthias Brancaleone u Xandru Azzopardi.

L-imxija tal-COVID-19 ħarbtet l-appuntamenti ta’ Christina Magrin kemm bħala kantanta lokali u ankè l-appuntamenti internazzjonali, minħabba r-restrizzjonijiet ta’ safar.

Il-parir tagħha għal dawk kollha li jappoġġjawha u għall-pubbliku ġenerali huwa: “Ejjew ningħaqdu lkoll flimkien u niżfnu bħala familja waħda! Se nerġgħu niġu fuq saqajna bla dewmien, iżjed b’saħħitna minn qatt qabel. Nispera li d-diska togħġobkom daqs kemm togħġob lili u ttikom is-sostenn li għandkom bżonn biex ittajjru l-biżgħat tagħkom permezz taż-żfin.”

Christina hija magħrufa partikolarment għall-vuċi versatili tagħha u għall-kapacità li tkanta bi ħmistax-il lingwa differenti