Lokali Qorti

Christopher More jitressaq il-Qorti fl-Ingilterra wara li ġie estradit minn Malta

Christopher Guest More Jr mixli bil-qtil brutali ta’ Brian Waters fl-2003 u li l-Ħadd li għadda kien estradit lejn ir-Renju Unit f’titjira kkordinata bejn l-Awtoritajiet Ingliżi u dawk Maltin il-bieraħ tressaq il-Qorti fl-Ingilterra mixli b’14-il akkuża. Il-każ tiegħu għandu jibda jinstema’ f’Ġunju li ġej.

More, li huwa minn Lymm, viċin Manchester kien ilu jiġi mfittex mill-Pulizija għal aktar minn 15-il sena kien maqbud f’Malta wara talba mill-Ingilterra għall-estradizzjoni tiegħu.

Fost l-akkużi ġie mixli bihom fil-Qorti ta’ Manchester hemm li huwa qatel lil Waters ta’ 44 sena meta flimkien ma’ persuni oħra tah daqqiet ta’ ħadida, attakkah bi ‘staple gun’ industrijali, tah bi frosta u ħarqu bl-aċċtu. Huwa kien għaddih minn tliet sigħat ta’ martirju.

Kif wasal l-Ingilterra More ġie eskortat lejn il-ħabs ta’ HMP Altcourse li jinsab f’Liverpool. John Wilson, James Raven u Otis Matthews kienu ġew ikkundannati għal għomor il-ħabs wara li nstabu ħatja li qatlu lil Waters, b’Wilson u Raven ikollhom iservu mill-anqas 24 sena ħabs, sentenza li kienet ingħatat fl-2004. Matthews irid iservi minimu ta’ 22 sena u kien ingħata s-sentenza fl-2007.

Qed jiġi allegat li More huwa wieħed mill-irġiel li mar fir-razzett tal-vittma, fejn kien jintu’a biex ikabbar d-droga kannabis, u talbu £20,000 li kellu jieħu mingħandu. Dawn it-talbiet kienu ġew miċħuda fejn numru ta’ persuni kienu ġew attakkati, fosthom Waters.

Il-Pulizija Ta’ Malta arrestat lil Christopher Guest More Jr b’mandat ta’ arrest Ewropew fis-6 ta’ Ġunju li għadda, u eventwalment tilef battalja legali biex ma jitbagħatx lura pajjiżu.

Il-ħidma tal-Pulizija tal-aħħar sigħat saret taħt sigurtà stretta bl-involviment tal-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi, il-Forzi Armati ta’ Malta u Aviation Security Malta.