Internazzjonali

Coronavirus: Rekord ta’ imwiet għal ġurnata waħda fi Spanja

epa08317524 A worker, in protective suit, chats with two policemen and a soldier as prepares to reconvert Palacio de Hielo ice skating center and shopping mall to a morgue in Madrid, Spain, 24 March 2020. The facilities will be used as a morgue for coronavirus fatalities amid coronavirus outbreak as morticians' are operating on the edge of their capacities. Spain faces the tenth day of national lockdown, in an effort to slow down the spread of the pandemic COVID-19 disease caused by the SARS-CoV-2 coronavirus. EPA/CHEMA MOYA

Spanja rreġistrat 864 mewta oħra mill-coronavirus. Dan kien il-ħames jum konsekuttiv li dan il-pajjiż ikkonferma ‘il fuq minn 800 vittma għal perjodu ta’ 24 siegħa.

L-aħħar ċifra, fil-fatt, waqqfet rekord ġdid (fi Spanja) għall-ammont ta’ mejtin mill-Covid-19 għal ġurnata partikulari.

Il-pajjiż għandu t-tieni l-akbar numru ta’ każi mill-coronavirus (102,136) wara l-Italja u issa sar ukoll it-tielet pajjiż ( wara l-Italja u ċ-Ċina) li rrapporta ‘il fuq minn 100,000 każ ta’ infezzjoni konfermati … ‘Tragward’ negattiv ieħor  f’dan iż-żmien diffiċli.

Nhar it-Tlieta kienu mietu 849 persuna mill-effetti tal-coronavirus fi Spanja, li sa dak il-jum — skont il-Ministeru tas-Saħħa f’Madrid – kellha 94,417 każ ta’ infezzjoni.

Sadanittant, il-Gvern Spanjol qed jittama li r-restrizzjonijiet riġidi għall-ħajja pubblika li jridu jkomplu, almenu, sal-Għid il-Kbir, kapaċi jnaqqsu l-firxa tal-coronavirus.

Min-naħa tagħha, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed issejjaħ biex il-Gvernijiet jinsistu bil-miżuri għall-kontroll tal-pandemija, fost stqarrija li l-kontrolli għall-movimenti tan-nies, fl-Ewropa, ‘qed jibdew iħallu effett’.

Mike Ryan, il-kap tat-taqsima għall-emerġenzi tas-saħħa mal-WHO, qal li ‘it-tama ferventi ta’ kulħadd’ hi li Spanja u l-Italja – iż-żewġ epiċentri tal-pandemija fl-Ewropa – issa waslu jew qegħdin qrib ‘l-ogħla livell tal-kurva’.

Dan waqt li l-WHO kompliet tħeġġeġ biex il-pajjiżi jżidu l-isforzi tal-contact tracing biex jinstabu u jkunu iżolati aktar pazjenti.