Coronavirus Lokali

COVID-19: 19 -il każ ġdid f’Malta

188 każi ikkonfermati pożittivi s’issa – 14 minnhom relatati ma trażmissjoni lokali fid-19-il każ ġdid li ttestjaw pożittiv f’Malta f’24 siegħa hekk kif imħabbar minn Profs. Charmaine Gauci.

L-ewwel każ kien l-impjegat li tħabbar li jaħdem fis-supermarket tal-LIDL f’Ħal Safi – liema stabbiliment ingħalaq sabiex jiġi fumigat. Il-Professur saħqet li dawk kollha li marru jixtru minn dan il-post mis-26 ta’ Marzu sat-Tlieta, u jħossu s-sintomi għandhom javżaw lill-helpline 111. Dan minkejja li saħqet li xogħol ir-raġel ma kienx jinolvi kuntatt kontinwu mal-pubbliku.

Hija saħqet li ż-żagħżugħ ta’ 23 sena kellu sintomi ħfief ħafna u għalhekk ma kienx ċempel lill-helpline mill-ewwel.

Dan filwaqt li persuna ta’ 65 sena li kienet qed tieħu kura fl-Isptar Mater Dei immarkat pożittiva u ktellha tiċċaqlaq għal sala oħra.

Fost it-trażmissjonijiet lokali kien hemm nisa ta’ 20, 26, 27, 56 sena. Kif ukoll irġiel ta’ 22, 27, 33, 42 u 64 sena. Fil-maġġorparti tagħhom ma kellhomx idea meta bdewlhom is-sintomi – liema sintomi tagħhom kienu pjuttost ħfief. Dan filwaqt li kien hemm persuna ta’ 47 sena li fid-29 ta’ Marzu ħass is-sintomi – hija tagħmel parti minn cluster oħra.

Dan filwaqt li persuna ta’ 28 sena li ġiet lura mill-Ingilterra fit-13 ta’ Marzu ħarġulha s-sintomi fis-27 ta’ Marzu – fortunatament żammett mal-kwarantina mandatorja.

Intant, raġel ta’ 51 sena ħarġulu s-sintomi fit-30 ta’ Marzu wara li kellu kuntatt ma’ barrani li meta mar lura pajjiżu mmarka pożittiv għall-Coronavirus.

Żagħżugħ ta’ 19-il sena li ġie lura minn Franza fid-19 ta’ Marzu ħarġulu s-sintomi fis-26 ta’ Marzu. Huwa kien qed iżomm mal-miżuri ta’ kwarantina.

Finalment, anzjan ta’ 62 sena beda jħoss is-sintomi fl-24 ta’ Marzu. Huwa kellu kuntatt ma’ każ pożittiv relatat ma’ safar u għaldaqstant kien diġà qed iżomm mal-miżuri ta’ kwarantina. Kif ukoll kien hemm persuna oħra ta’ 32 sena li mmarkat pożittiva għal COVID-19 wara li kienet relatata ma’ cluster oħra relatat ma’ safar.

Meta mistoqsija dwar il-koppja anzjana Maltija li jinsabu abbord il-cruiseliner Columbus – Profs. Charmaine Gauci saħqet li kienu huma stess li xtaqu jkompli għaddejjin bil-vaganza l-għaliex jinsabu fi stat ta’ saħħa tajba. Għaldaqstant hija spjegat li huma mistennija jirritornaw lura pajjiżna meta jagħmlu l-wasla tagħhom fl-Ingilterra.

Is-suprintendent tas-Saħħa Pubblika saħqet li raġel li l-mara tiegħu tkun qed tistenna tarbija importanti li kemm jista’ jkun jaħdem permezz ta’ teleworking u jkollu kuntatti mill-inqas ma’ persuni oħra fuq il-post tax-xogħol.