Internazzjonali

Covid 19…L-aħħar żviluppi

L-Iran ikkonferma li l-mejtin mill-coronavirus f’artu qabżu t-3,000  u li talanqas 138 mewta ġodda kienu reġistrati fl-aħħar perjodu indikattiv, validu għal 24 siegħa.

L-Iran hu fost il-pajjiżi li ġarrbu l-agħar effetti tal-Covid-19, bl-infezzjonijiet f’dan il-pajjiż iqarrbu t-48,000 – li jfisser li dan hu l-agħar Stat affettwat fil-Lvant Nofsani. Il-President tal-Iran, Hassan Rouhani, waqt diskors lill-Kabinett ta’ Tehran, qal li l-Istati Uniti, f’din l-era tal-coronavirus, ‘tilfet opportunità storika’ biex tneħħi s-sanzjonijiet fuq pajjiżu.

Fl-istess ħin, il-penali għall-Iran, skont Rouhani, ma fixklux il-kapaċitajiet tal-pajjiż Iżlamiku biex jiġġieled lill-pandemija.

Fit-Tajwan, kulmin jaqbad il-ferrovija jew xarabank irid bilfors jilbes maskla tal-wiċċ, skont direttiva mill-Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni.

Din il-ħtieġa qed tkun infurzata wara li l-US Centers for Disease Control irreveda l-informazzjoni ta’ qabel, inkluża data mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) li qalet li n-nies għandhom għalfejn jilbsu maskla biss f’każ li jkunu morda inkella jekk ikunu qegħdin iduru bil-pazjenti. Issa sar magħruf li ħafna nies li jġorru l-virus ma jurux is-sintomi, iżda xorta kapaċi jittrasmettu l-marda lil ħaddieħor.

Ħarsa lejn Google Trends (fuq l-Internet) indikat numru ta’ pajjiżi li – almenu sal-bieraħ – ma ntlaqtux mill-coronavirus…Uħud mir-riżultati tat-tfittxija online kienu li l-Malawi, Samoa u l-Marshall Islands huma ħielsa mill-Covid-19, iżda teżisti possibbiltà inkwetanti…Dan peress li l-pajjiżi inkwisjtoni jistgħu mhumiex qegħdin jagħmlu t-testijiet għall-virus inkella jirrappurtaw l-istatistika bi preċiżjoni.