Coronavirus Formula 1 Sport

Deċiżjoni fl-aħħar ta’ April dwar il-Grand Prix f’Silverstone

L-organizzaturi taċ-ċirkwit f’Silverstone se jistennew sal-aħħar ta’ April qabel jiddeċiedu jekk il-Grand Prix tar-Renju Unit hux se jsir fid-19 ta’ Lulju. L-ewwel tmien tlielaq ta’ dan l-istaġun sa nofs Ġunju ġew posposti jew ikkanċellati minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Il-Grand Prix tar-Renju Unit hi skedata li tkun it-12-il tellieqa fil-kalendarju, bl-organizzaturi u l-uffiċjali tal-Formula 1 se jkomplu jsegwu s-sitwazzjoni f’dan ix-xahar.

Huma qalu li qed japprezzaw li ttieħdet deċiżjoni fuq avvenimenti sportivi oħra fil-pajjiż iżda l-arranġamenti sportivi u loġistiċi tagħhom jippermettilhom li jħallu sal-aħħar ta’ April biex jieħdu deċiżjoni. Il-Grand Prix tar-Renju Unit ilu fil-kalendarju tal-Formula 1 mill-ewwel kampjonat lura fl-1950. Flimkien mal-Grand Prix tal-Italja, huma l-uniċi żewġ ċirkwiti li dejjem kienu preżenti fil-Formula 1.