Coronavirus Internazzjonali

Fl-aħħar 24 siegħa: il-vittmi jaqbżu l-40,000 – 850,000 infezzjoni

  • “L-agħar kriżi dinjija mit-Tieni Gwerra Dinjija” – Is-Segretarju Ġenerali tan-NU
  • In-numru ta’ vittmi fl-Istati Uniti jaqbeż in-numru ta’ vittmi fiċ-Ċina … u n-numru ta’ vittmi tal-attakk tal-11 ta’ Settembru
  • Ikomplu jikbru l-każi ta’ infezzjoni u mwiet f’diversi pajjiżi Ewropej
  • L-Għarabja Sawdija tħeġġeġ lid-devoti jipposponu l-pellegrinaġġ tal-Ħajj f’Mecca
  • It-Turkmenistan jipprojbixxi lill-media lokali milli tuża l-kelma ‘Coronavirus’ fir-rappurtaġġi.

In-numru ta’ mwiet kaġun tal-Covid-19 issa qabeż l-40,000 madwar id-dinja hekk kif in-numru ta’ infezzjonijiet fuq skala globali issa qabeż 850,000. Ftit iktar minn 174,000 huma konfermati li fiequ mill-virus.

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti Antonio Guterres stqarr li d-dinja qed tiffaċċja l-agħar kriżi mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn u ħeġġeġ għal tweġiba ko-ordinata taħt il-gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Matul il-lejl, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li l-Istati Uniti se tgħaddi minn ġimgħatejn ta’ uġiegħ kbir. Dan hekk kif in-numru ta’ mejtin qabeż 3,400 – li qabeż in-numru ta’ vittmi fiċ-Ċina u qabeż in-numru ta’ persuni li kienu mietu fl-attakki tal-11 ta’ Settembru. Skont sorsi fil-White House, estimi uffiċjali jindikaw li n-numru ta’ mwiet fl-Istati Uniti waħedhom jaf jilħaq il-240,000. Sadanittant, il-kaptan tal-aircraft carrier Theodore Roosevelt qed jiffaċċja diversi każi ta’ Covid-19 abbord u talab sabiex il-maġġoranza tal-madwar 5,000 membru tal-ekwipaġġ ikun iżolat fuq l-art. L-aircraft carrier jinsab stazzjonat fl-Oċean Paċifiku u jekk jintlaqa’ dan il-permess, il-bastiment ikollu bilfors iwaqqaf il-ħidma tiegħu.

Fil-Ġermanja, in-numru ta’ każi telgħu għal iktar minn 67,000 u 149 tilfu ħajjithom fl-aħħar 24 siegħa. Franza, Spanja, ir-Russja, l-Italja u r-Renju Unit irrapportaw numri kbar ta’ mwiet. 381 persuna tilfu ħajjithom fl-aħħar 24 siegħa fir-Renju Unit, l-ikbar żieda sa issa ta’ madwar 27%. Fl-Italja, jum ieħor iswed hekk kif il-pajjiż irrapporta 837 vittma.

New Zealand jirrapporta ftit iktar minn 700 każ.

L-Għarabja Sawdija avżat lid-devoti Musulmani sabiex jipposponu l-peleġrinaġġ tal-Hajj f’Mecca sakemm is-sitwazzjoni tkun iktar ċara.

Filwaqt li r-reġim awtokratiku tat-Turkmenistan ħareġ ordni jipprojbixxi l-media tal-pajjiż milli tuża l-kelma ‘Coronavirus’ fir-rapporti u l-bulletini.